Friday, December 20, 2024

Il-familja ta’ Bernice titlob lill-Qorti biex tintervjeni fil-kawża kostituzzjonali tar-raġel tal-vittma

Aqra wkoll

Il-familja ta’ Bernice Cassar issottomettiet applikazzjoni fejn talbet sabiex tkun parti mill-kawża li nfetħet mir-raġel tal-vittma dwar il-liġi l-ġdida tal-femiċidju li hu qed jiddeskriviha bħala waħda diskriminatorja u sessista.

Illum saret l-ewwel seduta tal-proċeduri kostituzzjonali mressqa mir-raġel tal-vittma — Roderick Cassar, li allegatament fit-22 ta’ Novembru li għadda qatel lil martu Bernice ħdejn il-post tax-xogħol tagħha.

Cassar huwa l-ewwel persuna li qatt ġiet akkużata b’reat aggravat ta’ femiċidju, introdotta fil-Kodiċi Kriminali għall-ewwel darba f’Ġunju li għadda. B’hekk, jekk jinstab ħati ta’ dawn l-akkużi, huwa se jkun qiegħed jirċievi piena iktar ħarxa.

B’rabta ma’ dan, ix-xahar li għadda l-avukati tiegħu daħħlu rikors il-Qorti fejn qalu li l-liġi l-ġdida qed tpoġġi lill-klijent tagħhom, Roderick Cassar, fi żvantaġġ, sempliċiment għax il-vittma hija mara. Huma teknikament argumentaw li l-qtil ta’ mara huwa iktar gravi milli jekk il-vittma tkun raġel, u li għalhekk hemm nuqqas ta’ ugwaljanza bejn iż-żewġ is-sessi.

Id-difiża oġġezzjonat għat-talba li saret mill-familja ta’ Bernice, talba li tressqet il-Qorti b’rikors f’isem Joseph Cilia u l-membri familjari tal-vittma fejn talbu biex jintervjenu fil-proċeduri. L-avukati Franco Debono min-naħa tiegħu qal li d-difiża fi żmien għaxart ijiem se tkun qed tagħti r-raġunijiet tal-oġġezzjoni tagħha bil-miktub. F’dan ir-rigward l-Imħallef Anna Felice qalet li se tkun qed tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni fil-jiem li ġejjin.

L-avukat Julian Farrugia rrappreżenta lill-Avukat tal-Istat.

L-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Marion Camilleri u Jacob Magri dehru għal Cassar.

L-avukati Marita Pace Dimech, Rodianne Sciberras u Ann Marie Cutajar dehru għall-familja tal-vittma.

Il-każ ikompli f’Ġunju.

Ekonomija

Sport