“Għaddew 65 sena mill-interdett fuq il-Partit Laburista u t-tmexxija tiegħu. Żminijiet fejn l-aspetti ċivili u reliġjużi tal-pajjiż kienu meqjusin bħala ħaġa waħda. Ġrajjiet li ġabu ħafna weġgħat bla bżonn f’bosta familji. Il-familja tagħna batiet ukoll għat-twemmin Soċjalista tagħha.
In-nannu Joe Debono Grech lanqas seta’ jiżżewweġ kif suppost u tħalla jiżżewweġ biss bil-bibien tal-Knisja magħluqin. Kien hemm min ma setax jipparteċipa saħansitra fil-qrar u tqarbin għax kienu jaqraw il-“Ħelsien”. Kien hemm min miet u lanqas seta’ jingħata dfin dinjituż. Min jaf x’kienu jħossu l-familjari?”.
Dan iddikjaratu Yana Borg Debono Grech, neputija tal-eks Ministru Laburista, Joe Debono Grech. Hi iddikjarat dan hekk kif illum jaħbat l-anniversarju mindu l-Kurja Maltija immexxija mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Mikiel Gonzi, kienet imponiet l-Interdett fuq it-tmexxija kollha tal-Partit Laburista, mill-Mexxej tiegħu l-Perit Duminku Mintoff sal-Eżekuttiv kollu.
Dan kien ifisser ukoll li kull min kien se jassoċja ruħu mal-Partit Laburista jew isegwi l-politika tiegħu, inkluż min imur għall-attivitajiet tiegħu jew jaqra l-gazzetti affiljati, kien ikkundannat mill-awtoritajiet Ekkleżjastiċi f’pajjiżna u skont il-Knisja dan kien dnub mejjet.
Yana Borg Debono Grech enfasizzat li “hu grazzi għall-ġenerazzjoni ta’ dak iż-żmien, u għat-tmexxija tal-Parti Laburista li qatt ma qatgħet qalbha tbiddel, li illum qed ngħixu f’soċjetà miftuħa. Dmirna huwa li dak kollu li nkiseb f’dawn l-aħħar snin ma nieħduhx for granted u nkomplu mmexxu l-pajjiż ‘il quddiem.”

