Monday, January 12, 2026

Il-familja tal-pazjent Malti Sandro Grech imġiegħla tħallas ir-”riskatt” ta’ 80,000 ewro biex issalvalu ħajtu 

… il-vjaġġ tiegħu lejn Beijing mistenni jibda għada

Aqra wkoll

Il-familja tal-pazjent Malti Sandro Grech kienet imġiegħla ċċedi għat-talbiet ta’ kumpanija tal-air ambulance f’Londra u tħallas is-somma addizzjonali ta’ €80,000 wara li nqabdet f’sitwazzjoni fejn il-ħajja ta’ Sandro kienet qiegħda tintuża bħala lieva. Minkejja li l-familja diġà kienet ħallset €148,000 għal titjira “all inclusive”, il-kumpanija EMS Air Ambulance and Medical Repatriation Ltd irrifjutat li ttajjar lill-pazjent jew li tagħti rifużjoni tal-flus. Konsegwentement, ma ħalliet l-ebda triq oħra lill-familja għajr li tħallas biex issalva l-ħajja ta’ Sandro.

Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-familja taħt protesta legali minħabba t-theddida imminenti għal ħajtu. Peress li l-kumpanija kienet qiegħda żżomm il-flus oriġinali, il-familja ma setgħetx tuża dawk il-flus biex tqabbad operatur ieħor, fatt li ħalla lill-pazjent Malti f’riskju kbir li jitlef l-uniku ċans tiegħu għall-fejqan. L-avukati tal-familja Dott. Aron Mifsud Bonnici u Dott. Roselyn Borg iddeskrivew din l-azzjoni bħala waħda fejn il-familja nżammet ostaġġ, b’kumpanija tapprofitta ruħha mill-vulnerabbiltà ta’ missier li qiegħed jiġġieled għal ħajtu.

Abigail Borg, mart Sandro, tkellmet dwar id-dieqa kbira tagħha waqt li qed taqsam ma’ żewġha dawn il-mumenti diffiċli. Hija stqarret li l-kumpanija Ingliża ħadet il-flus li ngħataw b’solidarjetà mill-poplu u mill-Gvern u issa qiegħda tuża l-kundizzjoni kritika ta’ żewġha bħala mezz biex tieħu aktar flus. Hija spjegat li dan huwa aġir mhux xieraq għax qegħdin iżommu l-fondi u jirrifjutaw li jagħtuhom lura u b’hekk jostakolaw iċ-ċans ta’ Sandro li jfieq. Hija żiedet li ħadd ma kien jobsor li kumpanija li tippreżenta lilha nnifisha b’mod daqstant professjonali kienet se ddaħħalhom f’dan l-isqaq.

Mistoqsijiet dwar l-operat baqgħu mhux imwieġba

Investigazzjoni minn dan il-ġurnal dwar il-mod kif qiegħed jitmexxa dan il-każ qajmet bosta dubji li l-kumpanija s’issa naqset milli tiċċara. Minkejja li ntbagħtu għadd ta’ mistoqsijiet iddettaljati lil EMS Air Ambulance, il-kumpanija għażlet li ma twieġeb għal ebda punt speċifiku dwar it-trasparenza u l-mod kif inħarġet l-invoice oriġinali.

Minflok spjegazzjonijiet ċari dwar għaliex il-prezz żdied b’ammont daqstant kbir wara li l-ħlas kien diġà sar, il-kumpanija bbażata f’Londra kienet lesta biss li tgħid li din iż-żieda kienet meħtieġa għal raġunijiet mediċi. Madankollu, il-kumpanija naqset milli tispjega għaliex dawn ir-raġunijiet mediċi ma ġewx identifikati qabel ma nħarġet l-invoice finali, speċjalment meta r-rapporti mediċi kollha tal-pazjent Malti kienu ilhom f’idejhom jiem sħaħ.

Is-silenzju tal-kumpanija fuq il-punti kruċjali tal-każ ikompli jżid it-tħassib tal-familja u tal-awtoritajiet Maltin li qegħdin isegwu l-aġġornamenti f’din il-kwistjoni.

Il-vjaġġ ta’ Sandro lejn Beijing mistenni jibda għada iżda, il-prezz li kellu jitħallas mhuwiex biss finanzjarju. Din iż-żieda sfurzata ta’ €80,000 se tnaqqas b’mod drastiku l-fondi disponibbli għat-trattament mediku attwali li Sandro għandu bżonn biex jibqa’ ħaj, fatt li qiegħed iqajjem sħaba ta’ inċertezza fuq it-tkomplija tal-kura tiegħu fiċ-Ċina.

Infakkru kif l-istorja ta’ Sandro Grech saret magħrufa lejn tmiem is-sena l-oħra. Din wasslet għal solidarjetà nazzjonali bil-poplu u l-Gvern Malti jagħmlu ġabra ta’ nofs miljun ewro ħalli jieħu l-kura meħtieġa barra minn pajjiżna. Il-battalja kuraġġjuża tiegħu kontra l-kanċer ma kinitx u għadha mhiex, waħda faċli. Nawguraw lil dan il-missier il-vjaġġ it-tajjeb u li l-kura tirnexxi biex huwa wkoll ikun jista’ jkompli jgawdi lill-familja, lill-qraba u lill-ħbieb kollha tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport