Wednesday, July 24, 2024

Il-fatt li bis-saħħa tal-atletika, sirt nemmen aktar fija nnifsi hija l-ikbar rebħa għalija – Mariella De Battista

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?

Fil-veritá qatt ma bsart li xi darba se nkun atleta u li l-ġiri se jsir parti minn ħajti. Kollox beda b’kumbinazzjoni. Kont inwassal lit-tfal jipprattikaw l-għawm Marsaskala u biex jgħaddi l-ħin kont immur nimxi max-xatt. Jien persuna pjuttost nervuża u bil-mixi kont inħossni ma nasal qatt. Għall-bidu bdejt nimxi u niġri u minn hemmhekk nibtet fija l-imħabba lejn l-atletika. L- isport dejjem kien jogħġobni imma qatt ma kont nipprattika xi sport partikolari. Peró, meta kont nara xi tellieqa dejjem kienu jaffaxxinawni l-atleti u kont nistgħaġeb kif ikollhom dik l-istamina kollha biex ma jċedux u jibqgħu għaddejjin.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Kif beda jgħaddi ż-żmien kont kapaċi niġri mingħajr ma nieqaf nimxi. Bdejt inħoss li kien qed jgħinni fiżikament u anke mentalment. Wara xi ġirja kont inħossni persuna ferm aktar kalma. Ħeġġiġt xi ġenituri oħra u bla ma nafu kif, daħlet rutina. Iddeċidejna li nagħmlu n-nofs maratona ta’ Malta li kienet issir fi Frar. Għamilniha u kont fis-seba’ sema meta wasalt fil- finish line għax fil-veritá kont naħseb li mhux se nkun kapaċi nispiċċaha!

Ta’ kemm bdejt tipprattikka l-atletika?

Meta bdejt kelli 38 sena. Peressli kien għad kelli t-tfal żgħar ma tantx stajt nikkommeti ruħi. Kont immur niġri biss meta huma kienu jkunu mpenjati fi sport ieħor. Wara l-ewwel nofs maratona li ghamilt kelli nieqaf milli nipprattika l-ġiri minħabba xi ċirkostanzi li ma kellix kontroll fuqhom. Xi erba’ snin wara, itlqajt ma’ xi ħbieb li kienu jipprattikaw l-istess dixxiplina u bdejt immur niġri magħhom. Dejjem kelli x-xewqa li ningħaqad ma’ klabb u ġietni l-opportunitá li ningħaqad mal-Evolve Endurance Club fejn għadni membru sal-lum il-ġurnata. Bis-saħħa tal-kowċ Has Kesra bdejt nieħu t-taħriġ aktar bis-serjetá u minn hemm bdejt nara l-progress mixtieq.

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Ma niftakarx li kien hemm xi persuna partikolari li ispiratni peró niftakar li darba minnhom waqt li kont qed inqalleb fuq is-social media telgħali post ta’ Brian Abela, li kont nafu qabel u li kien għadu kif ħa sehem f’tellieqa. Ikkummentajtlu u fil-pront weġibni lura ‘Int meta ġejja fil-klabb magħna?’ Minn hemmhekk bqajna nikkomunikaw biex ingħaqadt mal-klabb li nagħmel parti minnu llum. B’hekk nista’ ngħid li l-atletika saret parti minn ħajti bis-saħħa tiegħu.

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

L-ikbar unur għalija hu li rnexxieli nasal s’hawn. Jien nikkompeti miegħi nnifsi u nipprova ntejjeb il-ħinijiet li għandi. F’Diċembru li għadda, irnexxieli nirbaħ il-kategorija tal-etá tiegħi fit-tellieqa tal-5k li kumbinazzjoni saret fir-raħal tiegħi stess. Għalija kien unur doppju. Il-fatt li bis-saħħa tal- atletika sirt nemmen aktar fija nnifsi hija l-ikbar rebħa għalija!

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek sa issa?

L-aħjar ħinijiet li rnexxieli nikseb s’issa huma dawk ta’ 22:35 fil-5k, 49:31 fl-10km u 1:49:21 fin-nofs maratona. Bil-gwida tal-kowċ tiegħi, Has Kesra, inkompli nħares ‘il quddiem u naħdem biex intejjeb dak li ksibt.

Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure, jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Hawn Malta l-aktar li tingħata importanza hija lill-futbol, kemm lokali u anke dak barrani. Sfortunatament, l-atletika ftit li xejn tissemma. Inħoss li għandna ħafna fejn naħdmu fuq din. Jekk tibda tingħata aktar importanza lil din id-dixxiplina, ninsab persważa li aktar nies jinteresssaw ruħhom f’dan l-isport.

Jiddispjaċini nikkummenta wkoll li aħna bħala poplu għandna bżonn ta’ aktar edukazzjoni u rispett lejn l-atleti. Meta tesperjenza tlielaq barra minn xtutna tirrealizza d-differenza. S’issa kelli ċ-ċans li mmur Berlin, Amsterdam u Lugano. It-toroq ikunu magħluqin biex jiġi evitat kull periklu, waqt li n-nies tintefa’ fil-ġnub tat-toroq tagħti s-sapport. Il-‘vibe’ li jkun hemm hija indeskrivibbli. Nifhem li aħna pajjiż żgħir u mhux faċli tagħlaq ċerti toroq kompletament, peró, tiġi apprezzata ħafna kieku s-sewwieqa jnaqqsu l-veloċitá tal-vettura u jżommu mal-ġenb biex jagħtu d-dritta lill-atleti speċjalment waqt xi telllieqa.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Il-ħolma tiegħi hi dik li Alla jżommni f’saħħti ħalli nibqa’ attiva u nkompli nipprattika dan l-Isport flimkien mal-ħbieb tiegħi li issa saru t-tieni familja. Dment li tkun f’saħħtek, l-etá qatt m’għandha twaqqfek milli tibqa’ għaddejja!   

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tkun qed tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Se nkun qed nieħu sehem f’sitt nofs maratoni barra minn Malta li jagħmlu parti mis-superhalfs. Ftit ġimgħat ilu lestjejt in-nofs maratona ġewwa Berlin. F’Ottubru li ġej, imiss li nieħu sehem f’dik li se ssir ġewwa Cardiff. Wara dawn ikun fadal dawk ta’ Lisbona, Praga, Valencia u Copenhagen li jridu jsiru fi żmien ħames snin mill-ewwel waħda. Lokalment għandi xi tlielaq ibbukkjati tal-5km u l-10km.

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

L-atletika tlaqqgħek ma’ ħafna nies ġejjin minn setturi varji tal-ħajja. Hija żvog li taqta’ mir-rutina tax-xoghol u l-istudju u tgħinek ħafna mentalment. Issir aktar kunfidenti miegħek innifsek u tegħleb ħafna mistħija. L-atletika hija dixxiplina li tgħodd għal kull etá. Qatt mhu tard li tibda bil-mod. Il-memorji li tibni meta tieħu sehem fit-tlielaq ma tistax tispjegahom jekk ma tesperjenzahomx.

Fiha l-isfidi tagħha wkoll bħal kull sport ieħor, peró, tiddixxiplinak u tlaqqgħek ma’ familja oħra t’atleti, waqt li żżommok attiv!

Ekonomija

Sport