Sunday, December 22, 2024

“Il-fatt li jħossu li xi ħadd jifhimhom u lest jgħinhom, huwa l-ħolqa ta’ kollox” – Josephine Muscat dwar is-Servizz Benniena

Aqra wkoll

Minn Charlo Lautier – Uffiċjal tal-Komunikazzjoni tal-FSWS

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) tagħmel parti mill- Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja, Drittijiet tat-Tfal (MFCS).Il-Fondazzjoni hija l-aġenzija nazzjonali għal-ħarsien soċjali f’Malta u Għawdex u toffri għajnuna minn professjonisti mħarrġin apposta f’dan il-qasam. Il-Fondazzjoni timpjega ‘l fuq minn 900 impjegat li l-maġġoranza assoluta tagħhom (73%) huma ħaddiema soċjali (social workers), terapisti tal-familja, psikologi, psikoterapisti, ħaddiema fil-komunità (community workers), ħaddiema maż-żagħżagħ (youth workers), social mentors u support workers fost l-oħrajn. L-FSWS taħdem ukoll fl-isptarijiet u ċentri tas-saħħa, tmexxi l-linji 179, 1772 u 1778 u tikkordina l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropeja għal internet aktar sikur permezz tal-programm Be Smart Online! u ċ-Child Web Alert

L-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fi ħdan il-Fondazzjoni Charlo Lautier tkellem fid-dettal ma’ Josephine Muscat dwar is-Servizz Benniena, wieħed  mill-ħafna servizzi offruti mill-Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS.

Tista’ tispjega x’inhu s-servizz Benniena?

Is-servizz Benniena huwa dak is-servizz fejn il-ħaddiema soċjali tagħna jassistu klijenti minuri li jkunu qed jistennew tarbija u ommijiet tqal speċjalment dawk li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet soċjali u/jew vizzji fost l-oħrajn. Il-każijiet jiġu riferuti kemm  fl-isptar kif ukoll dawk minn servizzi barra l-isptar. Tfajliet taħt l-età li jkunu nqabdu tqal, jiġu riferuti lilna awtomatikament kif jibdew ikollhom il-viżti l-Antenatal.

X’esperjenza pożittiva jieħdu l-klijenti minn dan is-servizz?

Naturalment l-ewwel u qabel kollox is-sapport li jiġi offrut mill-ħaddiema soċjali huwa mportanti ħafna. Minħabba li ħafna drabi t-tqala ma tkunx  mistennija, l-ewwel ħaġa hi li jridu jaħdmu hi li jgħinu l-individwi jaċċettaw is-sitwazzjoni billi jaċċertahom li mhumiex waħedhom u li se jkun hemm ta’ spalla għalihom. Wara dik il-fażi jkun imiss li jgħinuhom u jagħtuhom l-informazzjoni kollha ta’ kif għandhom jieħdu ħsieb tagħhom infushom u kif ukoll tat-tarbija li jkun hemm f’ġufhom. Jitkellmu magħhom dwar xi jkun meħtieġ ilestu meta titwieled it-tarbija, affarijiet li xi kultant huma l-inqas li jikkonċentraw fuqhom, imma kif jaf kulħadd huma bżonnjużi ħafna wkoll. Kull tqala ġġib l-ispejjeż tagħha bħal ħwejjeġ tat-trabi, cot, pushchair, sodda, l-basket li jridu jippreparaw għall-isptar kemm tat-tarbija u kif ukoll tal-omm u ħafna affarijiet oħrajn relatati. Il-ħaddiema soċjali jgħinu billi jipprovdulhom ħwejjeġ kemm tat-tarbija u jekk ikun hemm bżonn anke tal-omm, pram u bosta affarijiet li s-servizz jirċievi bħala donazzjoni jkun jista’ jipprovduhom lill-ommijiet. F’dan ir-rigward dawn in-nisa jkunu qed jiġu megħejjunin kemm emozzjonalment kif ukoll b’affarijiet materjali relatati. Il-Ħaddiema Soċjali jassistu wkoll lill-ommijiet għal viżti li jkollhom l-isptar fejn ikun meħtieġ kif ukoll jagħtuhom is-sapport kontinwu kemm b’telefonati u żjarat fid–dar fejn meħtieġ.

X’differenza sseħħ permezz ta’ dan is-servizz fil-ħajja tan-nies?

Naturalment is-sapport huwa kruċjali għal fatt li ħafna drabi t-tqala ma tkunx mistennija u għalhekk l-ommijiet jitfixklu xi ftit. Il-fatt li jħossu li għandhom xi ħadd li jifhimhom u lest li jgħinhom, huwa l-ħolqa ta’ kollox.

X’kisbiet saru s-sena li għaddiet?

Jekk nitkellmu fuq kisbiet nistgħu nsemmu s-sodisfazzjon li jkollhom il-ħaddiema soċjali meta dawn jaraw lil dawn l-ommijiet iwelldu u t-tibdil li jkun sar fihom, għax minn mumenti fejn l-ommijiet ikunu diffiċli li jaċċettaw it-tqala peress li bosta drabi kif semmejna aktar ’il quddiem din ma tkunx mistennija, għal stat ta’ aċċettazzjoni u l-ferħ li jkollhom meta hekk kif titwieled it-tarbija. Dan kollu jkun possibbli permezz tas-sapport u l-għajnuna tal-ħaddiema soċjali.

Kif jiġu ndirizzati każijiet diffiċli fis-Servizz Benniena?

Każijiet diffiċli jkollna bħal xi drabi meta l-missier jabbanduna lill-omm it-tarbija tiegħu u allura din l-omm tkun trid terfa’ r-responsabbiltà waħedha. Din tkun diffiċli ħafna għax l-omm tispiċċa litteralment waħedha u l-ħidma tal-ħaddiema soċjali tkun kruċjali f’dan ir-rigward. Sitwazzjoni oħra ta’ meta jkollok xi tfajla taħt l-età u l-ġenituri, ma jkunux iridu jaċċettaw lit-tifla li se jkollha tarbija u apparti x-xogħol li jrid isir mat-tfajla, jrid isir ukoll xogħol mal-ġenituri tagħha bil-għan li tgħinhom jaċċettaw is-sitwazzjoni mat-tifla. 

Sitwazzjonijiet reali u li huma diffiċli li qed niltaqgħu magħhom huma każijiet ta’ barranin u li waħda mid-diffikultà kruċjali tkun il-lingwa u għalhekk ikun diffiċli li niftiehmu.

Hemm xi servizzi oħrajn li taħdmu magħhom id f’id biex il-klijent jinqeda aħjar?

Hemm bosta servizzi li naħdmu magħhom speċjalment servizzi li għandna fi ħdan il-Fondazzjoni. Fil-każ ta’ ommijiet minuri naħdmu id f’id ukoll mas-Servizz Għożża li jagħti servizz ħolistiku fil-ħajja ta’ barra l-isptar kif ukoll naħdmu wkoll mal-qbiela biex jagħtuhom ukoll taħriġ individwalment f’każijiet partikolari. 

Tista’ taqsam magħna xi stejjer ta’ suċċess?

Anġela kienet riferuta lis-servizz Benniena meta kienet fi stat avvanzat ta’ tqala. Anġela hija ta’ nazzjonalità barranija, kellha wild ieħor u r-raġel kien abbandunaha wara li ħarġet tqila. Minkejja d-diffikultà li kien hemm bil-lingwa, l-ħaddiema soċjali kienet tagħmel ħilitha biex tifhem lil Anġela u tkun tista’ tgħinha.

L-ewwel problema li ppreżentat Anġela kien in-nuqqas ta’ sapport li kellha għax din ma kelliex qraba jew ħbieb. Anġela qalet ukoll li hi ma kellhiex l-affarijiet meħtieġa għat-tarbija tagħha minħabba li l-ftit flus li kellha kienet tużahom biex tħallas il-kera u bil-kemm kien jibqgħalha biex jieklu. 

Il-ħaddiema soċjali bdiet taħdem qatiegħ ma’ Anġela u nistgħu ngħidu li min-naħa tagħha kienet determinata li tagħmel xi ħaġa biex ittejjeb is-sitwazzjoni tagħha.

Wara li twieldet it-tarbija, Anġela bdiet taffaċċja l-problemi biex tirreġistra lit-tarbija minħabba li l-missier ma kienx preżenti. Għalhekk il-ħaddiema soċjali għinitha tagħmel kuntatt ma’ avukat tal-għajnuna legali biex seta’ jgħinnha tiftaħ rikors il-qorti biex tkun tista’ tirreġistra lit-tarbija. Il-ħaddiema soċjali għinitha wkoll tagħmel kuntatt mad-dipartiment tad-djar biex setgħet tapplika għas-sussidju tal-kera.

Meta solviet il-problema li tirreġistra lit-tarbija, Anġela bdiet tfittex impjieg, daħlet lit-tfal f’childcare centre, u minn hemm bi ftit għajnuna oħra mill-ħaddiema soċjali bl-affarijiet tal-ikel, dik tal-bżonnijiet tat-tarbija, kif ukoll bl-għajnuna tas-sussidju fuq il-kera, Anġela setgħet tqum fuq saqajha u tkun indipendenti. 

Kemm tiltaqgħu ma’ każijiet f’sena? 

Is-sena l-oħra kellna 160 każ ġdid fil-waqt li fis-sena 2020 kellna 187 każ ġdid. Ovvjament dawn il-każijiet ikunu jeħtieġu għajnuna fit-tul għax anke wara li jwelldu nibqgħu ngħinuhom sakemm jew jiġu ndipendenti jew jekk naraw il-ħtieġa nirreferuhom għal servizzi oħrajn.

Kif persuna tista’ tapplika għal dan is-servizz?

Naturalment min ikun irid aktar informazzjoni jista’ jew iċempel fuq in-numri tat-telefon 25455571/8 jew jiġi l-uffiċċju tagħna fl-Isptar Mater Dei. L-uffiċini tagħna qegħdin fl-ewwel sular bejn il-kanella u l-isfar.

Ekonomija

Sport