Tuesday, May 14, 2024

“Għandi l-viżjoni li l-PL fil-gvern huwa l-uniku partit li jista’ jkompli jġib il-bidla”

Aqra wkoll

Minn Clifford Galea

Ħafna drabi nħarsu lejn il-politiċi bħala dawk il-persuni li nfittxuhom biss meta għandna bżonn. Kultant ninsew li hemm l-aspett uman warajhom, bħal kull bniedem ieħor. Il-qalb li tħoss. Il-mumenti ibsin u dawk ta’ ferħ. Hemm il-mumenti wkoll fejn il-politiċi bħal kulħadd, jieħdu sodisfazzjon meta jirnexxielhom iwettqu azzjoni ta’ ġid. It-Tabib Michael Farrugia huwa wieħed mill-membri tal-Kabinett fi ħdan il-Partit Laburista fil-Gvern li għandu esperjenza, imħallta bejn dik politika, professjonali u dik umana.

Meta tħajjart li tidħol fil-politika?

Kont nara b’mod regolari lil missieri jsegwi l-politika. Interessanti imma hu li f’ħajtu, l-uniku darba li attenda xi meeting, kienet darba fl-1981. Kien persuna li jevalwa l-politika, konna nitkellmu ħafna meta kont żgħir. L-ewwel darba li ersaqt lejn partit politiku, kont għadni ta’ 17-il sena meta waqqafna ż-żgħażagħ tal-Ħamrun u ftit snin wara kont membru tal-kumitat lokali. Fit-tieni sena tal-kors universitraju tal-mediċina, kien beda l-istrajk tat-tobba. Kont voċiferu ħafna biex l-istudenti li ddeċidew li jibqgħu Malta, l-iskola medika tibqa’ miftuħa għalihom.

Minn erba’ studenti konna spiċċajna 30 student li bqajna Malta. Kelli esperjenza daqs­xejn kerha dak iż-żmien. Speċjalment wara l-qtil ta’ Karen Grech fit-28 ta’ Diċembru tal-1977 li nzertat ukoll il-ġurnata t’għeluq snini fejn kont ġejt infurmat mill-pulizija li minħabba li kont voċiferu, ma niftaħx ittri. Għal diversi snin, l-ittri tiegħi riedu jkunu skenjati mill-armata qabel jaslu għandi.

Meta ggradwajt, bdejt naħdem bħala tabib tal-familja u bdejt nara iktar ir-realtà tal-ħajja fid-djar, il-problemi varji tal-familji, u ġietni l-ħeġġa li jekk irrid nara bidla fil-ħajja tan-nies, irrid noħroġ għall-politika. Dan anke bħala viżjoni tal-pajjiż li ta’ min wieħed jgħid li minkejja li sar ħafna progress, kien wieħed konservattiv. Ridt ngħin fil-bidla. Biex tibdel trid tagħmel pressjoni minn barra jew inkella tidħol f’dak il-partit b’mod iżjed impenjattiv li kapaċi jġib il-bidla għax huwa partit progressiv u li għandu twemmin ħafna viċin tiegħi.

Wara diversi pressjonijiet li saruli, iddeċidejt li naħdem iktar minn ġewwa u aċċetajt li nkun kandidat fi ħdan il-Partit Laburista.

Meta tlajt l-ewwel darba fil-Parlament?

Kien fl-elezzjoni tal-1992 u minn dakinhar sal-lum, elezz­joni waħda wara l-oħra dej­jem ġejt elett u ħa nkun qed nagħlaq 30 sena fil-parlament fil-ġimgħat li ġejjin. Kull meta konna fl-oppożizzjoni, kont dejjem kelliem fuq setturi diversi u soċjali u bejn l-1995 u l-1996, kont ukoll membru fil-Kunsill tal-Ewropa.

Fl-1996-1998, kont Ministru tas-Saħħa u kura tal-Anzjani. Mill-2013 lil hawn, kont f’diversi rwoli differenti kemm soċjali, ekonomiċi u anke b’natura ta’ sigurtà nazz­jo­nali.

Il-ħajja tiegħek bħala tabib…

Faċilment ngħid li bħala tabib dejjem tkun viċin in-nies u bħala tabib tal-familja, fir-realtà ma jkollokx familja waħda imma jkollok mijiet ta’ familji fejn kont sirt naf kull familja bil-problemi tagħ­hom, problemi wiegħsa tagħhom kemm ta’ bejniet­hom, finanzjarji, kemm soċjali u anke fuq il-post tax-xogħ­ol tagħhom. B’dan il-fatt stajt nifhem aħjar l-aspett soċjali tas-soċjetà Maltija. Ovvjament meta kont immur id-dar tagħhom kienu jittrattawni huma wkoll bħala wieħed tal- familja. Fejn jistgħu jitkellmu, jiftħu qalbhom u jfittxu fik soluzzjoni għall-problemi li jkunu qed jiffaċċjaw. Dan mhux bilfors dejjem ikun mard.

Għidli l-verità, illum timmissjaha l-ħajja tiegħek prattikanti ta’ tabib?

Il-professjoni fiha nfisha tgħoġobni. Tagħtik il-possibbiltà li tgħin in-nies li jkunu fl-għawġ. Fil-verità anke fil-politika. Ħafna drabi diversi persuni jduru lejk fl-għawġ. Id-differenza li bħala tabib ir-relazzjoni mal-pazjenti tkun iktar viċina milli fil-ħajja politika speċjalment meta jkunu nies li qatt ma kienu pazjenti tiegħek. Ovvjament, ħafna pazjenti li kelli ġieli jgħiduli “aħjar ma vvutajnielek xejn għax kieku għadna ngawduk bħala tabib”, b’mod speċjali meta wara l-Partit Laburista jkun rebaħ l-elezzjoni u tista’ tgħid li kull darba li l-partit rebaħ elezzjoni, jien dejjem kelli kariga fil-kabinett.

Għedtli li kull darba li l-Partit Laburista rebaħ elezzjoni, kellek kariga… xi tfisser?

Bażikament tfisser li kull Prim Ministru Laburista; Alfred Sant, Joseph Muscat u Robert Abela wrew fiduċja u li emmnu li kont kapaċi nwettaq. Il-lealtà tiegħi bħal­ma dejjem għidt, hija maqsuma fi tlieta; in-nies, it-twemmin tal-Partit Laburista u kull mexxej tal-Partit Laburista.

Din tfisser li inti tbaxxi rasek għalkollox?

Is-sabiħ tal-Partit Laburista, iktar u iktar minn meta ħoloq moviment ġo fih, jagħti ċ-ċans lil kulħadd jesprimi lilu nnifsu. Naraw il-veduti ta’ xulxin. Imma fl-aħħar mill-aħħar nieħdu deċiżjoni kollettiva u mbagħad nħarsu ’l quddiem f’għaqda waħda biex nimp­limentaw id-deċiżjonijiet li nkunu ħadna fl-interess tan-nies. Dan huwa l-partit li jwettaq, li jieħu d-deċiżjonijiet, li qatt ma ddejjaq u qatt ma beża’ li jieħu deċiżjonijiet kontroversali fejn fl-aħħar ingħata raġun u n-nies fehmu li dawk id-deċiżjonijiet kienu l-ewwel u qabel kollox, fl-intress tagħhom.

Lil hinn mill-politika u l-professjoni Michael, kif iqatta’ l-ħin?

L-ewwel u qabel kollox, il-ħin meta niltaqa’ mal-ħamest itfal u l-familji tagħhom. Huwa l-mument li nagħmel mill-aħjar biex ma joħoduli ħadd. Jiena u l-partner tiegħi għandna relazzjoni eċċellenti magħhom u mad-disa’ neputijiet. Bla dubju, hemm post għall-ħin fil-kċina. Inħobb insajjar ħafna fejn f’dak il-ħin, apparti li nistrieħ, tiġini l-muża għal ħafna ideat innovattivi u nara kif se nagħmel biex inwettaqhom. Apparti l-familja, jien attiv ukoll fis-settur soċjokulturali bħala President tal-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja tan-Naxxar kif ukoll membru onorarju tal-Imperial Band Club tal-Mellieħa. Biss nista’ ngħid li jien viċin mal-każini tal-baned l-oħra b’mod speċjali mal-Banda Peace tan-Naxxar, mas-Soċjetà Mużikali San Pawl ta’ San Pawl il-Baħar u mal-Banda La Vittoria tal-Mellieħa. 

It-tabib Michael Farrugia… ’il quddiem…

Għandi l-viżjoni li l-Partit Laburista fil-gvern huwa l-uniku partit f’pajjiżna li jista’ jkompli jġib il-bidla u jħares l-interess tan-nies irrispettivament mill-età tagħhom. Huwa dak il-partit li jagħraf l-aspettattivi u x-xewqat tan-nies fejn jagħmel il-bidliet neċessarji mingħajr ma għandu għalfejn ikun popolista. U għalhekk, illi ġaladarba għad għandi l-ħeġġa u s-saħħa, għal darb’oħra qed nersaq ’il quddiem bħala kandidat għall-11 u t-12-il distrett u nemmen li bl-esperjenza li għandi, kapaċi nwettaq il-viżjoni tal-Partit Laburista ħalli jkollna soċjetà aktar ġusta, aktar ħanina u li nkomplu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar.

Sport