Fi tmiem din il-ġimgħa se jsiru pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026. B’kollox, 882 benefiċjarju jew l-eredi tagħhom se jirċievu pagamenti li jammontaw għal €3.4 miljun.
L-iskemi jikkonċernaw kumpens għal anomaliji jew inġustizzji tal-passat u li japplikaw għal eks ħaddiema tal-Malta Drydocks u tal-Malta Shipbuilding, eks ħaddiema tal-Gas Board, persuni li kienu ingaġġati mal-Korporazzjoni Telemalta bejn l-1 ta’ Jannar 1978 u l-15 ta’ Jannar tal-1979, u eks impjegati tar-Rediffusion Group of Companies li kienu assimilati mal-Korporazzjoni Telemalta fl-1975, u persuni oħra ingaġġati fil-fergħa tax-xandir tal-korporazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1978.
Kif tħabbar fil-Budget 2027 u kif kien ippjanat, dawn l-iskemi se jiġu fi tmiemhom is-sena d-dieħla u b’hekk fl-2027 se nkunu qed intemmu 11-il sena ta’ ħlasijiet ta’ kumpens lil 9,000 persuna jew l-eredi tagħhom li b’kollox jammontaw għal €105 miljun.
