Ħames persuni, erbat irġiel u mara, ġew arrestati waqt żewġ operazzjonijiet separati mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga.
L-operazzjonijiet, li saru f’diversi lokalitajiet madwar Malta, wasslu għas-sekwestru ta’ kwantitajiet ta’ droga, flus kontanti, vetturi u diversi oġġetti oħra li jistgħu jkunu relatati mal-attività kriminali suspettata.
Fi stqarrija dwar dawn l-operazzjonijiet, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Glenn Bedingfield, qal li dawn huma parti mill-ħidma kontinwa kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga.
Waqt waħda mill-operazzjonijiet saru rejds fiż-Żejtun, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid, il-Fgura, Birkirkara u Ħaż-Żebbuġ.
Fit-tieni operazzjoni, raġel ta’ 28 sena residenti ż-Żejtun ġie arrestat f’Marsaxlokk wara li kien ilu taħt sorveljanza mill-Pulizija.
Fost l-oġġetti li ġew sekwestrati kien hemm kokaina, crack cocaine u eroina, kif ukoll madwar €8,000 fi flus kontanti.
Il-Pulizija kkonfiskat ukoll vetturi lussużi, mowbajls, SIM cards u tagħmir elettroniku. Instabu wkoll ponn tal-ħadid u taser, flimkien ma’ ġojjelli, dokumenti u ħwejjeġ tad-ditta.
Il-ħames persuni huma suspettati li kienu involuti f’attivitajiet ta’ traffikar tad-droga. Huma mistennija jitressqu l-Qorti aktar tard illum biex iwieġbu għall-akkużi fil-konfront tagħhom.
Dawn l-operazzjonijiet huma parti mill-ħidma tal-awtoritajiet biex jindirizzaw it-traffikar tad-droga u l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata f’Malta.
