Friday, November 27, 2026
Home Sport L-AiMS torganizza b’suċċess l-ewwel workshop dwar is-safeguarding

L-AiMS torganizza b’suċċess l-ewwel workshop dwar is-safeguarding

0
34

L-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport (AiMS) organizzat b’suċċess l-ewwel sessjoni mis-serje ta’ workshops “Basics in Safeguarding”, inizjattiva li għandha l-għan li ssaħħaħ l-istandards tas-safeguarding fl-isport Malti u tgħin lill-organizzazzjonijiet sportivi joħolqu ambjenti aktar sikuri għall-parteċipanti kollha.

Il-workshop ġabar flimkien rappreżentanti minn diversi organizzazzjonijiet sportivi u pprovda lill-parteċipanti b’għarfien prattiku u gwida biex ikunu jistgħu jwettqu b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet tagħhom relatati mas-safeguarding fi ħdan l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom. Matul is-sessjoni ġew diskussi diversi suġġetti importanti, fosthom ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċjal għas-Safeguarding, il-miżuri essenzjali u l-prattiki tajba fl-isport, is-sigurtà online permezz ta’ kollaborazzjoni mal-inizjattiva Be Smart Online tal-FSWS, kif ukoll aspetti legali relatati mas-safeguarding. Il-parteċipanti ħadmu wkoll fuq studji ta’ każijiet prattiċi li kellhom l-għan li jinkoraġġixxu riflessjoni u diskussjoni dwar sitwazzjonijiet reali.

Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-AiMS biex tippromwovi l-integrità u l-ħarsien tal-benesseri fl-isport, permezz ta’ inizjattivi ta’ bini ta’ kapaċità u opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali għal dawk li jaħdmu direttament ma’ atleti, tfal u żgħażagħ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-AiMS, Kevin Azzopardi, ikkummenta dwar is-suċċess tal-ewwel sessjoni, fejn enfasizza l-livell pożittiv ta’ parteċipazzjoni u l-impenn muri minn dawk preżenti. Huwa rriafferma wkoll l-impenn tal-Awtorità li tkompli tappoġġja lill-organizzazzjonijiet sportivi fl-implimentazzjoni ta’ prattiki b’saħħithom ta’ safeguarding fil-livelli kollha tal-isport.

Persuni li ma setgħux jattendu għall-ewwel workshop huma mħeġġa jirreġistraw għal waħda mit-tliet sessjonijiet li fadal matul l-istaġun sportiv, li se jsiru fit-30 ta’ Jannar, fl-10 ta’ April u fis-26 ta’ Ġunju 2027. Il-workshops kollha se jsiru fl-uffiċċji tal-AiMS f’Santa Venera bejn id-9:00am u s-1:00pm.

Il-parteċipazzjoni hija bla ħlas, filwaqt li dawk li jattendu u jlestu l-workshop b’suċċess se jirċievu ċertifikat ta’ attendenza. L-AiMS qed tħeġġeġ lill-Uffiċjali għas-Safeguarding u rappreżentanti oħra rilevanti fl-isport Malti biex jieħdu din l-opportunità sabiex ikomplu jsaħħu l-għarfien tagħhom dwar is-safeguarding u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjenti sportivi aktar sikuri għal kulħadd.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here