Friday, November 27, 2026
Home Sport Malta Premier League: Valletta, Marsaxlokk u Sliema Wanderers b’testijiet importanti fit-Top Six

Malta Premier League: Valletta, Marsaxlokk u Sliema Wanderers b’testijiet importanti fit-Top Six

0
38
Ritratti: Mark Mangion

Minn Cristian Muscat

Il-Malta Premier League jirritorna mil-lum fejn tibda tintlagħab l-14-il ġurnata jew aħjar it-tielet waħda tat-tieni round tal-Opening Phase.

Filwaqt li Birkirkara u Mosta jiftħu l-programm ta’ sitt partiti, għada jkun hemm żewġ partiti bl-aktar waħda li tispikka tkun dik bejn Floriana u Hamrun Spartans liema partita tkun segwita minn Zabbar St Patrick kontra Balzan.

Il-programm tal-Ħadd jinkludi Birżebbuġa St Peter’s kontra Gżira United, il-konfront bejn Valletta u Hibernians, u partita potenzjalment deċiżiva bejn Marsaxlokk u Sliema Wanderers.

Birkirkara v Mosta – Dan  huwa konfront bejn żewġ timi­jiet tal-Bottom Six fejn punt wieħed biss jifred liż-żewġ timijiet.

Birkirkara bħalissa jinsabu fil-quċċata tas-sezzjoni b’19-il punt, filwaqt li Mosta jinsabu fit-tielet post bi 18-il punt u jistgħu jaqbżu lill-avversarji tagħhom jekk jirbħu.

Birkirkara jinżlu b’moral għoli wara r-rebħa ta’ 3-2 fuq Birżebbuġa SP, filwaqt li Mosta  jippruvaw jisfruttaw il-potenzjal offensiv tagħhom.

Madankollu, is-solidità di­fensiva tista’ tkun determinanti, speċjalment meta Mosta s’issa sofrew 22 goal. Iż-żewġ ti­mijiet jafu li riżultat pożittiv jista’ jsaħħaħ l-ambizzjonijiet tagħhom meta fadal tliet partiti għat-tmiem ta’ din il-fażi.

Mosta għandhom lil Thiago Espindola de Paula sospiż.

Floriana v Hamrun S. – Floriana u Hamrun Spartans jiltaqgħu f’konfront importanti fit-Top Six, biż-żewġ timijiet bħalissa għandhom 19-il punt u qed ifittxu li jkomplu jisfidaw għall-ewwel żewġ postijiet.

Floriana se jinżlu għal din il-partita mħeġġa mir-rebħa impressjonanti ta’ 2-1 fid-derby kontra Valletta, riżultat li reġa’ qajjem it-tamiet tagħhom.

Min-naħa l-oħra, l-Ispartans ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Sliema Wanderers u għaldaqstant iridu jibdlu l-wirjiet kompetittivi tagħhom f’rebħiet.

Dan meta huma spiċċaw seba’ darbiet fi draws minn 13-il partita … statistika li turi  d-diffikultà tagħhom biex jikkonvertu l-opportunitajiet f’punti massimi.

Biż-żewġ timijiet konxji mill-fatt li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom, din mistennija tkun partita bilanċjata.

Aktar minn hekk, il-coach il-ġdid tal-Ispartans, Daniel Portela, se jkun qed jiffaċċja lill-eks team tiegħu, Floriana, li nfired minn magħhom tliet ġimgħat ilu.

Zabbar SP v Balzan – Żabbar St Patrick se jkunu qed ifittxu li jżommu l-isfida tagħhom qrib il-quċċata tal-Bottom Six meta jaffrontaw lil Balzan.

Iż-Żabbarin bħalissa jinsabu fit-tieni post bi 18-il punt, punt wieħed biss taħt il-leaders Birkirkara, filwaqt li Balzan jinsabu fir-raba’ post b’14-il punt.

Is-Saints kisbu ħames reb­ħiet u skorjaw 20 goal, u dan juri l-kapaċitajiet tagħhom fl-attakk.

Balzan, iżda, m’għandhomx jiġu sottovalutati u wrew li kapaċi jqumu għall-okkażjoni meta jkunu taħt pressjoni.

B’erba’ punti jifirdu lit-timi­jiet, rebħa għal Balzan tressaqhom aktar lejn il-postijiet ta’ fuq, filwaqt li Zabbar se jkunu determinati li jibqgħu fil-ġlieda ma’ Birkirkara u Mos­ta biex itemmu din il-fażi fuq nota pożittiva u jkomplu jibnu fuqha fil-Closing Phase.

Birżebbuġa SP v Gzira U. – Birżebbuġa St Peter’s u Gżira United jiltaqgħu f’partita li ż-żewġ timijiet għandhom bżonn jirbħu b’mod urġenti hekk kif jippruvaw itejbu l-pożizzjoni tagħhom fil-qiegħ tal-klassifika.

Birżebbuġa ġabru seba’ punti minn 13-il partita, filwaqt li Gżira jinsabu fl-aħħar post b’ħames punti biss u għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom.

Interessanti huwa l-fatt li r-rekord tal-Maroons mingħajr rebħa imur lura mill-istaġun li għadda hekk kif it-total ta’ din is-sensiela negattiva huwa ta’ 16-il logħba.

Is-Saints urew  titjib fl-aħħar logħbiet, iżda r-rekord difensiv tagħhom għadu dgħajjef, wara li sofrew 24 goal. Gżira għandhom rekord difensiv saħansitra aktar inkwetanti, b’31 goal. Din hija opportunità importanti għaż-żewġ naħat, partikolarment għal Gżira, li għandhom bżonn jibdew  jiksbu r-rebħiet.

Għal dan il-konfront, Gzira se jkunu mingħajr is-sospiżi Gabriel Mentz u Francisco Saldanha, peró huma ġew imsaħħa bil-firma tal-attakkant Yuri de Jesus Messias.

Valletta v Hibernians – Valletta jimmiraw li jirkupraw mit-telfa diżappuntanti ta’ 2-1 fid-derby kontra Floriana, riżultat li naqqas il-vantaġġ tagħhom fil-quċċata tal-klassifika tat-Top Six.

Aktar minn hekk, il-Lilywhites fallew disa’ punti mill-aħħar erba’ partiti meta tilfu wkoll kontra Hamrun Spartans (2-1) u Sliema Wanderers (2-0).

Is-Citizens għadhom fil- quċċata tal-klassifika b’25 punt, iżda Marsaxlokk jinsabu punt wieħed biss warajhom.

Min-naħa l-oħra, Hibernians sofrew telfa minima ta’ 1-0 kontra Marsaxlokk u baqgħu b’19-il punt.

Il-Pawlisti jeħtieġu riżultat pożittiv biex jibqgħu fil-ġlieda għall-ewwel żewġ postijiet, filwaqt li Valletta ma jistgħux jaffordjaw daqqa ta’ ħarta oħra.

Din mistennija tkun partita mill-aktar importanti, bejn żewġ timijiet li jeħtieġu l-punti għal raġunijiet diffe­renti.

Marsaxlokk v Sliema W. – Il-programm ta’ tmiem il-ġimgħa jintemm b’konfront mistenni ħafna bejn Marsa­xlokk u Sliema Wanderers, żewġ timijiet involuti direttament fil-ġlieda għall-ewwel żewġ pożizzjonijiet.

Marsaxlokk jinsabu fit-tieni pożizzjoni u se jinżlu għal din il-partita b’kunfidenza wara r-rebħa drammatika ta’ 1-0 kontra Hibernians.

Sliema, fit-tielet post bi 22 punt, ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Ħamrun Spartans u se jkunu qed ifittxu li jerġgħu lura għar-rebħ.

Marsaxlokk skorjaw 24 goal s’issa, filwaqt li Sliema kienu aktar konsistenti fid-difiża.

Dan il-konfront jista’ jkollu impatt importanti fuq il-ġlieda għat-’titlu’ tal-Opening Phase.

Għaldaqstant il-leaders Valletta se jkunu “ir-rebbieħa” mill-eżitu ta’ dan il-konfront hekk kif it-telf ta’ punti se jiffavorixxi lill-Beltin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here