Budget li jalloka €438 miljun għall-azzjoni klimatika

… żieda ta’ 10% fuq dak li ġie allokat għal din is-sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Budget għas-sena d-dieħla qed jalloka €438 miljun għall-azzjoni klimatika, żieda ta’ 10 fil-mija fuq l-allokazzjoni għal din is-sena. Dan l-investiment jirrappreżenta madwar 4 fil-mija tan-nefqa totali tal-Gvern.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, meta tkellmet fil-Parlament dwar l-investimenti li qed isiru biex Malta tkompli tindirizza l-isfidi tat-tibdil fil-klima, filwaqt li tipproteġi lill-familji u lin-negozji mill-pressjonijiet ekonomiċi.

Waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji għal dan il-Ministeru, Dr Dalli spjegat li l-azzjoni klimatika ma tistax titqies bħala għażla li teskludi l-affordabbiltà tal-enerġija. Għall-kuntrarju, sostniet li ż-żewġ objettivi għandhom jimxu id f’id, sabiex il-pajjiż ikun jista’ jipproteġi l-familji u n-negozji filwaqt li jkompli jinvesti f’sistemi aktar sostenibbli.

Bħala parti minn din l-istrateġija, il-Gvern qed jalloka wkoll €112-il miljun għat-tisħiħ tal-infrastruttura elettrika, fosthom permezz tal-ħidma fuq it-tieni interconnector. Investimenti oħra se jkunu qed jiffukaw fuq trasport aktar sostenibbli u s-sigurtà tal-provvista tal-ilma.

Il-pożizzjoni ta’ Malta fil-COP31

Il-Ministru Dalli rreferiet ukoll għall-parteċipazzjoni tagħha fil-konferenza internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, il-COP31, fejn qalet li l-atmosfera fost dawk li kienu qed jistennew ftehim li jmexxi lill-pajjiżi kollha ‘l quddiem kienet waħda diżappuntanti.

Hija sostniet li l-impatt tat-tibdil fil-klima llum huwa aktar sever minn qatt qabel fl-istorja riċenti, bit-temperaturi estremi u l-konsegwenzi tagħhom qed jinħassu dejjem aktar.

“Minn dawn in-negozjati ħarġet realtà ċara. Għandek ħafna pajjiżi fejn qed jipprovaw jagħmlu kompromess bejn il-ħtieġa li jipproteġu l-ekonomiji tagħhom u l-urġenza li jaġixxu kontra t-tibdil fil-klima. Ftit li xejn iżda huma dawk il-pajjiżi li qed jirnexxiehom jipproteġu l-familji, negozji u l-ekonomija u fl-istess ħin ikomplu jinvestu biex jadattaw għat-tibdil fil-klima u jaraw kif jagħmlu biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom.”

Il-Ministru qalet li Malta għażlet li tħares lejn dawn l-isfidi minn qabel, billi tipproteġi lill-familji mill-għoli fil-prezzijiet tal-enerġija u fl-istess ħin tkompli tinvesti f’enerġija nadifa u f’aktar reżiljenza għall-isfidi klimatiċi.

“Għalina l-affordabilità u l-azzjoni klimatika mhux xi żewġ għażliet li jeskludu lil xulxin. Anzi nemmnu li waħda trid issaħħaħ lil oħra. U dan kien il-messaġġ li wassalt fil-COP31 anke kont qed ninnegozja f’isem l-UE fuq l-adattament.

“Għamilnieha ċara li ma nistgħux naċċettaw kompromess politiku li jiġi a skapitu tal-futur tal-popli tagħna. Għalhekk flimkien mal-UE, Malta rrifjutat li tappoġġja deċiżjoni li ma tirrikonoxxix ir-realtà li qed ngħixu fiha,” tenniet il-Ministru Dalli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport