Wara li tħabbret il-mewt tal-Papa Franġisku, dan il-ġurnal ilbieraħ niżel fit-toroq ewlenin tal-Belt Valletta sabiex jara x’kienet il-fehma tan-nies dwar dan il-Papa.
Raġel li tkellimna miegħu qalilna li l-Papa kien qiegħed ibati ħafna. “Il-Mulej ma ridux qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Ħadu wara l-Għid il-Kbir u kellu jgawdi l-Għid il-Kbir. Ħass li l-poplu għandu jisma’ leħnu qabel ma miet.”

Mara li tkellmet magħna ddeskriviet lill-Papa Franġisku bħala persuna kwiet ħafna, dejjem bid-daħka fuq fommu u li fil-fehma tagħha kien bniedem qaddis.

Raġel ieħor li tkellem mal-ġurnalista ta’ dan il-ġurnal, sostna li Papa Franġisku kien persuna umli u li dejjem ipprova jagħmel dak kollu li seta’ minkejja li ma rnexxilux jagħmel dak kollu li xtaq. Irrimarka li hemm affarijiet li wieħed jista ma’ jaqbilx mal-Papa, iżda fil-fehma tiegħu wieħed seta’ jaqbel ħafna mal-fehmiet tal-Papa Franġisku.

L-aħħar persuna li tkellimna miegħu, bħall-persuna ta’ qablu qalilna li Papa Franġisku kien persuna umli u ta’ qalb tajba. Qal li Papa Franġisku kien iħobb lil kulħadd u li baqa’ sal-aħħar man-nies.