Sunday, December 22, 2024

Il-fekruna Shelly lura fil-baħar

It-tibdil fil-klima u l-iskart naqqsu l-fkieren u żiedu l-bram

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’dan l-istaġun sajfi l-ibħra tagħna huma invażati bil-bram b’konsegwenza li l-għawm tant mistenni f’dawn iż-żminijiet huwa sa ċertu punt limitat. Waħda mis-soluzzjonijiet għal inqas bram fl-ibħra tagħna hija l-fekruna li tiekol dan il-bram. Dan iċ-ċiklu jżomm il-bilanċ naturali marittimu. Sfortunatament, però, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar l-ispeċi tal-fkieren qiegħda tkun mhedda. 

It-theddida għall-fkieren hija waħda serja u reali ħafna tant li hemm theddida ta’ estinzjoni tal-ispeċi. Dan kien ikkonfermat lil talk.mt minn Vincent Attard, President Eżekuttiv tan-Nature Trust – FEE Malta, li proprju dalgħodu, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Għolja Ingliża, irrilaxxaw il-fekruna Shelley, fekruna ta’ tliet snin tal-ispeċi “Loggerhead” li spiċċat vittma ta’ ħmieġ fil-baħar. 

Il-kwantità kbira ta’ bram mal-kosti tal-Mediterran…

Attard qal lil dan talk.mt li l-problema tal-bram qiegħda sseħħ minħabba żewġ affarijiet – dik tat-tibdil fil-klima u l-oħra minħabba n-nuqqas ta’ fkieren fl-ibħra tagħna. “Il-baħar qiegħed dejjem jisħon u dan is-sajf rajna kemm kellna mewġ ta’ sħana li jitla’ l-Italja u jinżel f’Malta. Is-sħana qiegħda tikkawża din il-kwantità kbira ta’ bram mal-kosti tal-Mediterran”.

Huwa żied jgħid li t-tibdil tal-klima qiegħed iwassal biex jitwieldu aktar fkieren nisa milli rġiel u “għalhekk din l-ispeċi qiegħda fil-periklu li tinqered mill-pjaneta tagħna.”

Rigward il-popolazzjoni tal-fkieren dan il-President Eżekuttiv wissa li l-fkieren tal-baħar huma speċi fil-periklu li jiġu estinti u dan minħabba li fil-fatt, in-numru tagħhom qiegħed jonqos. 

Huwa speċifika li waħda mill-frieken li l-aktar li tiekol il-bram hija l-fekruna s-sewda, il-“Leatherback Turtle” u din ukoll naqset ħafna mill-pjaneta tagħna. Problemi oħra li semma’ hija dik tal-iskart li huwa ta’ periklu kbir għall-fkieren minħabba li dawn ħafna drabi dawn jitħabblu, jegħrqu jew inkella jitilfu flipper u ġieli anke jifggħu.

Min-naħa tiegħu Vincent Attard appella biex kull min imur il-baħar jieħu ħsieb li jiġbor l-iskart li jiġġenera u jiddisponi minnu kif suppost. 

Għajnuna għal aktar salvataġġi

Sadanittant, il-Kummissjoni Għolja Ingliża riċentement għenet lil Nature Trust – FEE Malta b’apparat għar-rijabilitazzjoni ta’ annimali selvaġġi, inklużi l-fkieren. Dan l-apparat, li huwa ITU chambers se jintuża biex jgħin lil dawk l-annimali dgħajjfa jirkupraw u b’hekk jiżdied iċ-ċans li jgħixu.

Min-naħa tiegħu Attard qal li dawn it-tliet chambers se jgħinu ħafna lis-sezzjoni għas-salvataġġ tal-annimali selvaġġi fil-ħidma tagħhom fosthom biex isalvaw il-bajd tal-fkieren dgħajfa li jkunu baqgħu fir-ramel minħabba li huma dgħajfa. Huwa spjega kif fin-natura dawk l-aktar b’saħħithom jgħixu mentri l-persentaġġ żgħir li jitwieldu dgħajfa ħafna drabi jispiċċaw jifggħu taħt ir-ramel. 

“Minħabba li l-fkieren huma speċi fil-periklu u l-bdil fil-klima qiegħed ukoll ikollu impatt negattiv fuq il-popolazzjoni tagħhom, kull fekruna li nsalvaw hija importanti. B’dawn iċ-ċhambers se jkunu nistgħu nsalvaw il-fkieren żgħar li ma jmorrux waħidhom fil-baħar meta jfaqqsu u meta jissaħħu nitilquhom fil-baħar biex jingħaqdu mal-bqija,” temm b’nota pożittiva Vincent Attard.

Ekonomija

Sport