Friday, May 3, 2024

“Il-Gvern qed jagħti prijorità l-edukazzjoni u joffri l-aqwa ambjent possibbli biex uliedna jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom”

Il-Ministru Grima dwar il-proġett ta’ bini ġdid fl-MCAST b’investiment ta’ €13-il miljun

Aqra wkoll

Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) qed jiżviluppa bini ġdid ta’ madwar €13-il miljun għall-Istitut tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (IICT) bħala parti minn proġett ta’ aktar minn €32 miljun kofinanzjat mill-UE. L-istitut jipprovdi korsijiet ta’ diploma u lawrja li jwasslu għal karrieri fl-iżvilupp tas-software, intelliġenza artifiċjali, sistemi u networks tal-kompjuter, multimedia u setturi oħra li jeħtieġu gradwati b’ħiliet diġitali sofistikati u b’ħiliet għolja. Aktar minn 90% tal-gradwati tal-Istitut isibu xogħol relatat mal-qasam ta’ studju magħżul tagħhom, u l-istatistika tal-applikazzjonijiet li qed isiru għas-sena skolastika li jmiss tal-kulleġġ turi li dan huwa wieħed mill-Istituti li jattiraw l-aktar applikazzjonijiet.

Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għaddejjin b’ritmu mgħaġġel u l-bini mistenni li jilqa’ fih l-ewwel studenti sa’ Ġunju 2023. Il-bini l-ġdid tal-IICT huwa parti mill-isforzi tal-Kulleġġ biex jistabbilixxi ruħu bħala ċentru internazzjonali ta’ eċċellenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET). Il-bini jinsab fil-Kampus ta’ Raħal Ġdid faċċata taċ-Ċentru tar-Riżorsi l-ġdid, u se jinkludi 58 spazju ta’ tagħlim, inklużi laboratorji u kmamar tal-lectures, 13-il uffiċċju u spazju multipurpose ta’ 500 metru kwadru. Iċ-ċentru tal-IICT huwa mifrux fuq erba’ sulari.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar il-pjan ħolistiku tal-MCAST f’dik li hija infrastruttura u qal li l-iżvilupp tal-campus tal-MCAST, b’investiment ta’ għexieren ta’ miljuni huwa investiment dirett mhux biss fl-edukazzjoni imma fl-istudenti u l-ħaddiema futuri tal-pajjiż. “Ftit tax-xhur ilu għadna kemm inawgurajna ċ-Ċentru tar-Riżorsi b’investiment ta’ €9.3 miljun, ukoll kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea. B’dan il-proġett li għaddej ta’ madwar €13-il miljun, qed nuru li dan il-Gvern qed ipoġġi prijorità kbira f’dik li hija edukazzjoni ta’ uliedna u qed jagħtihom l-aqwa u l-isbaħ ambjent possibbli biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom”, qal il-Ministru Grima.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li mit-€32 miljun hemm madwar €30 miljun li huma fondi Ewropej mill-Fond Ewropew Għall-IŻvilupp Reġjonali. Huwa qal li grazzi għal dan l-investiment l-istudenti se jgawdu minn ċentru ġdid li fih se jistudjaw l-IT tal-għola livell. “Bħala gvern aħna se nkomplu ninvestu fl-MCAST anki mill-programm ta’ Fondi Ewropej 2021-2027, hekk kif in-numru ta’ studenti li qegħdin jagħżlu li jiġu jistudjaw fl-MCAST dejjem qed jiżdied, kemm fuq bażi full-time u part-time minħabba l-esperjenza edukattiva li joffri dan il-kulleġġ”, qal is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Joachim James Calleja, qal: “Dan huwa żmien tassew eċitanti għall-Kulleġġ, u l-investiment f’bini mfassal apposta għall-għan li jrid jintuża huwa bla preċedent. Dan il-bini ġdid se jgħin lill-MCAST biex trawwem il-professjonisti tal-ICT tal-futur. Se nkomplu naħdmu mal-industrija biex niżguraw li l-Kulleġġ ikollu rwol ewlieni fit-tiswir tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema futuri. Inħarsu ’l quddiem b’entużjażmu lejn il-fażi tal-proġett li jmiss biex inkomplu noffru lill-istudenti tagħna faċilitajiet tal-aqwa kwalità”.

Waqt iż-żjara, l-Inġinier Jesmond Zammit, li huwa l-Kap tal-MCAST għall-Proġetti Kapitali, spjega l-funzjoni tal-bini u wkoll il-fażijiet ta’ xogħol li għaddej b’ritmu mgħaġġel f’dan iċ-ċentru l-ġdid.

Sport