Monday, September 23, 2024

Il-festa titulari tat-Trinità Qaddisa se tkun iċċelebrata b’mod virtwali

Aqra wkoll

Din is-sena, minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti li ma jippermettux la l-ftuħ tal-knejjes għall-quddies qabel is-Sibt 13 ta’ Ġunju u lanqas attivitajiet tal-massa, l-Għaqda Festi Esterni SSma Trinita – Marsa xorta ħasset li għandha tkun pijuniera biex dak li jiġri fil-knisja parrokkjali matul din il-ġimgħa tal-festa titulari tat-Trinità Qaddisa jasal xorta għand il-poplu Marsi b’mod virtwali! 

Dan ikompli ma’ dak li ilha tagħmel sa’ minn qabel il-festi tal-Għid il-Kbir billi tagħti livestreaming tal-Quddies u l-funzjonijiet permessi li jsiru fil-knisja, sintendi s’issa bil-bibien magħluqa.

Dan il-kuntatt mal-membri u mal-poplu issa se jintensifika ruħu matul din il-ġimgħa. Il-Proġramm virtwali jinkludi x-xows tan-nar tal-aħħar snin li se jkun mifrux fuq is-serati tal-Erbgħa u l-Ġimgħa, trasmissjoni tal-Marċ Tradizzjonali tat-Tieni Jum tat-Tridu li se jintwera l-Ħamis u dak tal-Marċ il-Kbir tas-Sibt li se jintwera s-Sibt. 

Barra minn dan, nhar is-Sibt 6 ta’ Ġunju, fis-6.00p.m., se jinħaraq in-nar biex ifakkar fit-transulazzjoni li din is-sena ma tistax issir. Il-Ħadd – 7 ta‘ Ġunju – Jum is-Sollennità tat-Trinità Qaddisa, fl-10.00a.m. l-Għaqda, flimkien mal-istazzjon televiżiv Xejk, se jkunu qegħdin ixandru l-Quddiesa Ewlenija tal-Festa, u fis-6.00p.m. Adorazzjoni u Barka Sagramentali li jagħlqu l-festi esterni permessi bħalissa.

L-għaqda tagħlaq il-festa 2020 billi fid-9.00p.m. se jittella’ spettaklu tan-nar li jinkludi lampjuni, murtaletti, murtali tal-kulur u blalen.

Intant, minkejja ċ-ċirkostanzi xejn feliċi u kemmxejn diffiċli tal-mument, il-Kumitat Ċentrali tal-Għaqda Festi Esterni SSma Trinita – Marsa ħass li xorta għandu jippubblika  ktieb ta’ tifkira ta’ din il-Festa Virtwali 2020. 

Din il-pubblikazzjoni bil-kulur qiegħda tfakkar ukoll il-45 sena mit-twaqqif tal-istess Għaqda u t-30 sena mit-twaqqif tal-Kummissjoni Żgħażagħ fi ħdanha. 

Sport