Monday, December 23, 2024

Il-Fibromyalgia

Aqra wkoll

Miktub minn  Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, BSC (Hons) Rad, M.D. MSC FM (Melit).

Il-fibromyalgia hija kundizzjoni li hija kkaratterizzata minn uġiegħ qawwi fil-muskoli, li primarjament ikun preżenti fuq iż-żewġ naħat tal-ġisem, f’partijiet kemm fuq u kif ukoll taħt il-qadd, bħall-ispalel, id-driegħajn jew ix-xedaq, fis-saqajn, fl-għonq, fid-dahar, fis-sider jew anke fiż-żaqq. Dan l-uġiegħ normalment jibqa’ jippersisti għal aktar minn tliet xhur infila.

Sintomi oħra relatati mal-fibromyalgia huma l-għejja, minkejja li wieħed jaf ikun raqad ammont tajjeb ta’ sigħat kuljum. Mill-banda l-ohra, l-irqad jista’ jkun qed jigi interrott minn perjodi ta’ uġiegħ bil-lejl. Xi pazjenti li jbatu bil-fibromyalgia jistgħu jesperjenzaw ukoll kundizzjonijiet oħra relatati mal-irqad, bħal ‘restless leg syndrome’, jew ‘sleep apnea’. 

Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, persuni li jbatu mill-fibromyalgia ġeneralment jirrapportaw ukoll tibdil spiss fil-burdati, jew saħansitra, nuqqas ta’ konċentrazzjoni jew memorja; li hu wkoll imsejjah bħala ‘brain/fibro fog’.

Diversi riċerkaturi jaħsbu li din il-kundizzjoni jista’ jkun tiżviluppa minħabba li jkun hemm diżordni fis-sistema ta’ kif il-ġisem jamplifika s-sinjali tal-uġiegħ, li jkunu għaddejjin bejn il-moħħ u s-sinsla tad-dahar. 

Filwaqt li l-ġenetika jista’ jkun li żżid ir-riskju li wieħed jaqbdu din il-kundizzjoni, dawn is-sintomi jistgħu wkoll jibdew wara xi avveniment partikolari fil-hajja ta’ dak li jkun, bħal trawma, operazzjonijiet, infezzjonijiet jew stress qawwi. F’ċerti każijiet oħrajn, dawn is-sintomi, li hafna drabi jillimitaw drastikament il-funzjoni tal-bniedem fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum, jistgħu jakkumulaw maż-żmien, minkejja li ma jkun hemm l-ebda ‘triggers’.

Il-fibromyalgia hija kklassifikata bħala diżordni ta’ esklużjoni, jiġifieri li t-tobba jaslu biex jagħmlu dijanjosi ta’ din il-kundizzjoni, wara li jkunu saru diversi testijiet tad-demm sabiex jeskludu xi kundizzjonijiet oħra li jistgħu jagħtu sintomi simili bħal tal-fibromyalgia.

Huwa magħruf li l-fibromyalgia, taffettwa iktar lin-nisa milli l-irġiel. 

Kif ukoll, il-fibromyalgia għandha tendenza li taffettwa iktar nies li jkunu jbatu minn ‘tension headaches’, diżordnijiet fil-ġogi tal-ħalq, dawk li jbatu bl-‘Irritable Bowel Sydrome’, ‘lupus’, ‘rheumatoid arthritis’, u kif ukoll lil min ibati bl-ansjetà jew dipressjoni.

Sfortunatament, għad ma teżisti l-ebda kura direttament għall-fibromyalgia. Però, hemm xi rimedji li jistgħu jtaffu ftit mis-sintomi ta’ din il-kundizzjoni, bhall-mediċina kontra l-uġiegħ, kontra t-tibdil fil-burdati jew in-nuqqas ta’ rqad san. 

L-eżerċizzji ħfief li jżidu l-flessibilità u l-istamina, bħall-yoga, mixi jew għawm, il-‘counselling’, il-meditazzjoni, u l-użu tal-fiżjoterapija jew aromaterapija jistgħu wkoll jgħinu biex itaffu ftit mill-istress li tista’ tikkawża din il-kundizzjoni. Wieħed għandu jara li jnaqqas it-tipjip, prodotti li fihom il-kaffeina, u kif ukoll jiekol dieta bilanċjata.

Ekonomija

Sport