Monday, December 9, 2024

Il-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn Dr. Georgiana Farrugia Bonnici,BSc (Hons) Rad; M.D.  MSc FM (Melit.)

1) X’inhu l-Coronavirus u minn fejn oriġina’?

Il-coronavirus huwa virus li oriġina mill-lokalita’ ta’ Wuhan fiċ-Ċina f’Diċembru 2019 u li huwa ġenetikament simili għall-viruses tas- Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS) u Middle East Respiratory Syndrome (MERS). Sfortunatament, dan infirex wkoll barra miċ-Ċina, f’diversi kontinenti oħra u saħansitra f’pajjiżna.

2) X’inhuma s-sintomi ta’ dan il-virus u veru li hawn diversi tipi differenti jiċċirkulaw madwar id-dinja?

Il-coronavirus primarjament jikkawża sintomi respiratorji li huma simili tal-influwenza, bħal sola vojta, qtu ta’ nifs jew deni. Jidher wkoll li ċerti pazjenti jistu jbatu biss minn sintomi ħfief; bħal uġi fil-griżmejn, imnieħer iqattar, uġi ta’ ras, bidla’ fit-tonalità tal-vuċi, jonqsulhom is-sensi ta’ toma u xamm, rimettar, diarrhea, uġi fil-muskoli jew ejja.

Speċjalment fl-anzjani jew persuni oħra li jkollhom is-sistema tal-immunita baxxa, dan il-virus jista’ jikkawża wkoll sintomi iktar gravi, bħal problemi akuti fil-pulmun li jistu jwasslu al diversi kumplikazzjonijiet li huma wkoll konnessi mal-imwiet assoċċjati ma’ dan il-virus.

Huwa maruf li issa l-virus amel mutazzjoni, u minħabba f’hekk issa jeżistu iktar minn varjazzjoni waħda ta’ dan l-istess virus li qed jiċċirkola – b’xi uħud, bhall-istrains li ħargu mill-Ingilterra u mill-Afrika t’Isfel, jafu jkunu iktar aggressivi jew jkollhom rata ta’ infettività iktar għolja minn ta’ qabel.

3) Min huwa fl-ikbar riskju li jaqbdu dan il-virus u x’inhuma l-metodi ta’ trasmissjoni?

Dan il-virus primarjament jinfirex permezz tal-qtar fl-arja u l-metodi ta’ kuntatt dirett.  Dan ifisser li jista’ jittieħed meta persuna infettata tmiss xi oġġetti u persuna oħra tmiss partijiet minn wiċċha (bħall-għajnejn, il-ħalq jew l-imnieħer) wara li tkun misset dawn l-istess oġġetti.

Ir-raġuni ta’ dan hija li il-virus jaf jibqa’ attiv fuq diversi oġġetti inanimi għal minn tal-inqas bejn 24-72 siegħa, jew aktar fuq ċertu materjali. Riċerki barranin rriżultaw li l-virus jibqa’ iktar fit-tul attiv fuq il-plastik, il-kartun u l-istainless steel, meta kien kkumparat mal-copper.

Il-virus jista’ jiġi transmess ukoll meta persuna toqgħod f’kuntatt dirett ma’ xi ħadd infettat għal ammont ta’ ħin li hu biżżejjed sabiex titla’ l-viral load fis-sistema tiegħu (madwar 15-il minuta); u kif ukoll meta persuna infettata titkellem, tisgħol jew tagħtas, inqas minn żewġ metri ’l bogħod minn xi ħadd iehor.   

L-iktar nies li qegħdin f’riskju li jaqbadhom il-Coronavirus huma dawk li kellhom kuntatti ma’ nies li ġew affettwati b’dan il-virus, speċjalment jekk is-sintomi jibdew ifeġġu madwar 14-il ġurnata wara l-kuntatt ma’ dawn il-persuni infettati, jew safar f’pajjizi affettwati mill-Coronavirus.

4) X’inhuma l-metodi ta’ prekawzjoni li wieħed jista’ jieħu biex jevita li jaqbdu l-Coronavirus?

Sabiex tipproteġi ruħek u lil ta’ madwarek mill-Coronavirus huwa importanti li:

• Tilbes maskra, taħsel idejk bis-sapun u bl-ilma għal 20 sekonda, u jekk dan mhux disponibbli, billi tuża diżinfettant tal-idejn li jkollu bażi ta’ 70% alkoħol;

• Tgħatti mnieħrek u ħalqek b’tessut jew bin-naħa ta’ ġewwa tal-minkeb; f’każ li tisgħol jew tagħtas;

• Ma’ tagħtasx u ma’ tisgħolx ġo jdejk, biex tevita’ li tikkontamina oġġetti jew individwi li jkollok kuntatt dirett magħhom;

• Tarrmi t-tessuti użati mill-ewwel fiż-żibel; u ma tħallix it-tessuti jiġru.

• Tevita li tmiss il-wiċċ, l-għajnejn, il-ħalq, u l-imnieħer qabel ma tkun ħsilt idejk kif suppost;

• Iżżomm id-dwiefer tiegħek qosra, u tneħħi l-extensions tad-dwiefer, ħalli tevita’ li jinġemgħu l-mikrobi bejn id-difer u s-swaba’;

• Iżżomm żewġ metri distanza meta tkun qed tkellem lil xi ħadd, u f’każ ta’ trabi, tevita’ milli terfagħhom għalxejn.

• Tevita postijiet li fihom il-folla, u idealment tuża s-servizzi ta’ delivery biex tixtri affarijiet bażiċi bħall-ikel, u mediċini, u fejn hu possibbli tħallas online, minflok bi flus kontanti jew bil-card.

• Iżżomm id-dar jew l-uffiċċju tiegħek ventilat tajjeb, billi tiftaħ it-twieqi spiss

• Tidiżinfetta oġġetti li tuża regolarment, bħall-mobile, handbag, ċwievet, mwejjed, pumi tal-bibien u tal-karozzi, u malli terga’ tidħol lura d-dar, tneħħi ż-żarbun u tidiżinfetta l-qiegħ taż-żarbun u idejk, twarrab il-ħwejjeg kollha għall-hasil minnufih, u tmur tinħasel immedjatament.

• Jekk ġejt mitlub mid-Dipartiment tas-Sahha biex toqgħod fi kwarantina, għandek ssegwi l-kwarantina mandatorja ta’ 14-il jum b’mod strett sabiex taċċerta ruħek li ma xxerridx il-virus lill-ħaddieħor, f’każ li joħorġulek s-sintomi iktar ’il quddiem. Huwa fatt magħruf, li wieħed xorta’ jista’ jinfetta lil ta’ madwaru, anke jekk ma jkollux deni jew sintomi oħrajn ta’ dan il-virus. Għaldaqstant, huwa ferm importanti li ma tmorrux għax-xogħol, l-iskola jew tagħmlu qadi ieħor fil-pubbliku, jekk tkunu ma tifilhux.

• Kif wkoll, huwa rrakomandat li wieħed jieħu l-vaċċini tal-influwenza staġjonali u kif ukoll dak tal-Covid-19, sakemm ma hemm l-ebda kontraindikazzjonijiet. Huwa importanti wkoll li wieħed iżomm is-sistema immuntarja tiegħu b’saħħitha, billi jiekol ikel bnin li hu għoli fil-Vitamina C/Zinc/Vitamina D,  jnaqqas l-istress, ma jpejjipx, jorqod bejn 6 u 8 sigħat kuljum u jeżerċita ruħu regolarment.

5) X’għandu jagħmel xi ħadd li jibda jissusspetta li hu jew xi nies qrib tiegħu qed ibatu minn dan l-istess virus?

Huwa importanti li wieħed jibqa’ jistrieħ id-dar, jevita kuntatt dirett man-nies ta’ madwaru, u jikkuntattja lill-helpline ‘111’ minnufih. Jekk ma jkunx qed ibati minn sintomi urġenti jew gravissimi, għandu jevita li jmur ġo kliniċi privati, l-berġa, jew l-isptar, halli nevitaw li jinxtered il-virus ġo spazji konfinati. 

Wieħed jista’ wkoll jikseb iktar informazzjoni fuq il-Coronavirus, mid-Dipartiment tal-Prevenzjoni u Kontroll ta’ Mard Infettiv, billi jċempel direttament fuq 21 324 086.

F’każ li wiehed jiġi bżonn ta’ affarijiet bażiċi, bħall-ikel jew mediċina waqt li qiegħed fi kwarantina mandatorja, jista’ jċempel dirett fuq 2204 2200 jew 21 411 411 għal aktar għajnuna. 

Jekk inti anzjan, jew persuna vulnerabbli li tgħix waħdek u ma għandekx qraba jew ħbieb li jistgħu jagħmlulek xirjiet u għandek bżonn provista ta’ ikel bnin, bħal frott u ħaxix, tista’ wkoll ċċempel għal aktar għajnuna fuq 2590 3030.

Nixtieq nsemmi wkoll is-servizz bla hlas tal-mental wellbeing helpline li nfetaħ apposta fuq is-servizz 1770 biex jgħin lil dawk kollha li qed ibatu minn stress, dipressjoni jew ansjeta’ relatata mal-Covid-19.

Huwa importanti wkoll, li kull każ ta’ ksur ta’ kwarantina mandatorja jiġi rrapurtat minnufih b’email fuq [email protected] jew permezz ta’ telefonata fuq 2294 4504 jew 2294 4511.

Każijiet oħrajn ta’ folol ta’ nies miġburin f’postijiet pubblici jistgħu jiġu direttament irrapurtati lill-pulizija fuq: 22 944 504 jew 22 944 511, sabiex dawn l-uffiċjali jkunu jistgħu jieħdu azzjoni, u jmorru fuq il-post, biex jferrquhom minnufih.

_____________________________________

Jekk tixtieq ssegwi il-blog ta’ Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, li fih wkoll updates affidabbli kemm fuq is-saħħa ħolistika u anke fuq il-Covid-19 li huma maħruġin mill-WHO, eCDC jew awtoritajiet pubbliċi lokali, tista’ tagħmel dan billi żżur u tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook: 

×Be Holistically Healthy, MDx

Ekonomija

Sport