Sunday, December 22, 2024

IL-FIDUĊJA MA TIĠIX MIX-XEJN

Aqra wkoll

Illum se nkunu qed nippubblikaw stħarriġ ieħor li juri l-qagħda politika f’pajjiżna bħalissa. 

B’mod konsistenti qed naraw il-Prim Ministru, Robert Abela, Iżomm b’saħħitha l-fiduċja fih. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, ukoll baqa’ fl-istess ilma li ilu fih diversi xhur, fejn il-maġġoranza assoluta tal-poplu għada qed turi li mhix lesta tafdah imexxi lil pajjiżna. 

Dan ma jfissirx li meta dħalna fis-sena tal-elezzjoni ġenerali  nistgħu niddikjaraw li hemm xi riżultat ċert. Il-Prim Ministru nnifsu ddikjara iktar minn darba li kull elezzjoni tibda xejn b’xejn, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni dejjem ta x’jifhem li jemmen li jista’ jirbaħ l-elezzjoni. 

Li b’ċertezza nistgħu niddikjaraw hi ħaġa waħda; dik l-fiduċja ta’ tiġix mix-xejn. Stħarriġ bħalma qed nippubblikaw illum, li jagħti l-istess riżultat tal-2017 favur il-Partit Laburista, jkun  dejjem riflessjoni ta’ numru ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu jew inkella ma ttiħdux. 

Meta naraw il-fatt li l-maġġoranza assoluta tafda lil Robert Abela ma ndumux ma nifhmu għaliex. Kif jgħid il-Malti l-Prim Ministru kellu magħmudija tan-nar. Daħal f’mument ta’ taqlib politiku u ftit wara beda jiffaċja pandemija. Iżda, fl-aħħar 24 xahar wera ħila liema bħalha biex jegħleb id-diffikultajiet. Ħafna drabi wera kif mexxej għandu jieħu d-deċiżjoni t-tajba fil-mument opportun. Żamm l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin, ħa ħsieb is-saħħa u ta prijorità l-kwalità tal-ħajja filwaqt li bqajna niġbdu l-investiment.  U minn dak li qed jirriżulta fi stħarriġ tal-opinjoni pubblika wara ieħor joħroġ ċar li l-poplu qed japrezza dan l-element ta’ kredibbiltà u kompetenza ta’ Prim Ministru li sal-lum dejjem wera li l-emfasi tiegħu hi t-tmexxija ta’ Malta u Għawdex. 

Quddiem għidut ta’ dati ta’ elezzjoni kien konsistenti jitkellem fuq deċiżjoni fl-interess nazzjonali. Minn naħa l-oħra kellek Oppożizzjoni, bil-Kap fuq quddiem nett, li ilhom xhur timmonta kampanja u spekulazzjoni li ġejja elezzjoni. In-nies tistaqsi għaliex qed jagħmlu hekk: Forsi biex jipprovaw joħolqu l-inċertezza? Forsi biex jistaġnaw l-ekonomija? Ir-raġunijiet jistgħu jkunu diversi. Li hu żgur li la staġnat l-ekonomija u lanqas inħolqot l-inċertezza anke jekk żgur li ħadd ma jinsa d-dikjarazzjonijiet ta’ iġri tgħaddi l-pandemija biex imorru għall-elezzjoni, li għamel Bernard Grech nnifsu, li baqa’ jikseb riżultati xejn sodisfaċenti. Raġuni ewlenija tista’ tkun li Grech wiegħed bidla li meta dħalna f’sena ta’ elezzjoni huwa ċar kristall li ma implimentahix. 

Il-mibegħda u l-attakki politiċi kontinwi baqgħu ir-regola tal-ġurnata għall-Partit Nazzjonalista. Fl-oppożizzjoni baqgħu jmexxu dawk li l-poplu sfiduċjahom għal darba wara oħra tul l-aħħar snin. U fiż-żmien li ġej m’hemmx dubju li din il-klikka ta’ nies se żżid l-attakki kontra l-Partit Laburista . Donnu ikbar ma tkun il-pressjoni fuqhom, iktar jippersistu fl-istess żbalji ta’ attakki personali u stejjer negattivi. 

U meta naraw dan kollu allura l-karattri taż-żewġ persuni li se jitolbuna l-fiduċja biex immexxu pajjiżna qed joħorġu sew. Fuq naħa Prim Ministru ffokat fuq il-futur u l-aspirazzjoni u naħa oħra Kap tal-Oppożizzjoni ffokat fuq il-passat u l-għira.   Għalhekk baħar jaqsam ukoll fir-riżultati. Għax il-fiduċja ma tiġix mix-xejn.

Ekonomija

Sport