Il-FIFA qablet li tikkanċella l-partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja bejn il-Brażil u l-Arġentina.
Din il-partita kienet intlagħbet f’Settembru 2021 iżda twaqqfet wara ftit minuti meta l-uffiċjali tas-saħħa Brażiljani daħlu fil-ground fejn sostnew li erba’ plejers tal-Arġentina kisru protokolli tal-Covid-19.
Il-FIFA kienet qed tinsisti biex il-konfront jiġi skedat mill-ġdid għax-xahar id-dieħel, minkejja l-fatt li l-logħba kienet essenzjalment bla sens biż-żewġ timijiet diġà kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja li se tintlagħab fil-Qatar, f’Novembru li ġej.
Il-konfederazzjonijiet tal-Brażil u l-Arġentina t-tnejn opponew it-talba tal-FIFA, bil-każ kellu jittieħed quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport (CAS) fejn it-tliet partijiet qablu mal-ftehim.
Il-coaches, Tite tal-Brażil u Lionel Scaloni tal-Arġentina, argumentaw dwar ir-riskju ta’ injuries u sospensjonijiet biex tintlagħab il-logħba hekk kif kienet skedata għax-xahar id-dieħel … xahrejn biss qabel ma tibda l-fażi finali.
B’dan il-ftehim, iż-żewġ timijiet tal-Amerika t’Isfel huma liberi li jiskedaw partiti ta’ ħbiberija kontra avversarji tal-għażla tagħhom għat-tħejjijiet tagħhom għat-Tazza tad-Dinja – fejn se jkunu qed ifittxu li jtemmu d-dominanza tal-Ewropa fix-xena dinjija.
Il-Brażil ilhom ma jirbħu t-tournament mill-2002 u kienu umiljati mill-Ġermanja fis-semi-finali meta ospitaw it-tournament fl-2014, fejn sussegwentement l-Arġentina ġew megħluba fil-finali.
L-Arġentina jinsabu flimkien mal-Messiku, il-Polonja u l-Arabja Sawdija fi Grupp Ċ, filwaqt li l-Brażil jinsabu fi Grupp G mas-Serbja, l-Isvizzera u l-Kamerun.