Terremot qawwi ta’ 7.1 heżżeż lill-gżira ta’ Luzon fit-Tramuntana tal-Filippini u sfortunatament ħa l-ħajja ta’ mill-inqas erba’ persuni u fera minn tal-inqas 60. Dan it-terremot kien tant qawwi li kkawża ħsara sostanzjali f’numru ta’ binjiet u anke nħass fil-kapitali Manila.
Skont dejta tal-U.S. Geological Survey dan it-terremot laqat madwar 11-il kilometru bogħod fix-Xlokk tal-belt ta’ Dolores f’fond ta’ 10 kilometri.
Il-President tal-pajjiż Ferdinand Marcos Jr kiteb stqarrija fuq Facebook fejn fiha aċċerta lill-poplu li se jkun hemm rispons f’waqtu u dawk milquta se jingħataw l-għajnuna kollha li għandhom bżonn.
Il-provinċja ta’ Abra kienet fost l-iktar li sofrew kawża ta’ dan it-terremot hekk kif kien hemm rapportati ta’ 173 binja li sofrew ħsarat kif ukoll 58 valanga. Mis-60 persuna li sofrew ġrieħi, 44 kienu minn Abra. Apparti hekk sptar partikolari ġewwa din il-provinċja kellu jiġu evakwat minħabba li parti minnu sfrondat. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
Sfortuntament il-Filippini huwa suxxettibbli ħafna għad-diżastri naturali u dan hekk kif jinsab fiż-żona magħrufa bħala “iċ-Ċirku tan-Nar” li hija żona siżmika attiva ħafna ġewwa fil-Baħar Paċifiku. It-terremoti f’dan il-pajjiż huma komuni u ta’ kull sena jkun hemm ukoll madwar 20 tifun li jikkawżaw numru ta’ valangi.
Kien hemm ukoll rapporti li t-terremot ikkawża ħsarat f’binjiet storiċi ġewwa l-belt ta’ Vigan, binjiet li huma magħrufa għall-arkitettura kolonjali Spanjola.