L-attur internazzjonali Jake Gyllenhaal qiegħed f’Malta għall-ġbid ta’ Road House 2, produzzjoni kbira oħra li għażlet lil Malta bħala destinazzjoni għall-ġbid tagħha.
B’direzzjoni ta’ Ilya Naishuller, dan huwa t-tieni film f’din il-franchise u l-ewwel li ġie f’Malta permezz tal-programm tal-cash rebate. Il-ġbid ta’ Road House 2 se jsir f’diversi postijiet madwar Malta, fosthom f’toroq ikoniċi tal-Belt Valletta, il-Mużew Marittimu u Forti Rikażli.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech żaru s-sett ta’ Road House 2.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li, “Din il-produzzjoni hija prova ċara tal-impenn kontinwu tal-Kummissjoni tal-Films biex tattira aktar produzzjonijiet ta’ livell internazzjonali lejn pajjiżna. Dan l-impenn mhux biss qed iġib aktar impjiegi għall-ħaddiema tant bravi Maltin, iżda wkoll qed joffri opportunitajiet ta’ taħriġ u speċjalizzazzjoni għal crews lokali, filwaqt li jsaħħaħ l-ekonomija u jħalli benefiċċji diretti.”
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li, “Pajjiżna llum għandu industrija tal-films li taħdem is-sena kollha, fejn aktar Maltin qed jaħdmu fil-films. Il-pjan tagħna qed iħalli riżultati kbar.”