Fil-proġett tagħha, għall-finanzi Ewropej tas-snin 2028 – 2034, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi żieda sostanzjali fin-nefqa tal-Unjoni Ewropea. Dwar hekk, issemmi l-prioritajiet li l-istati membri mhux ħlief jinsistu fuqhom, bħad-difiża Ewropea u l-ħtieġa li jiddaħħal programm qawwi ta’ investiment maħsub biex itejjeb il-kompetittività ekonomika Ewropea. Il-Kummissjoni għandha raġun.
Mal-pubblikazzjoni tal-pjani tagħha, il-gvern Ġermaniż stqarr li b’xejn ma jista’ jaqbel magħhom. Għax minn naħa, l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-istati Ewropej biex “jikkonsolidaw” il-baġits nazzjonali tagħhom u jnaqqsu mill-ispiża, u min-naħa tagħha, qed tisplodi ’l fuq l-ispiża Ewropea. Il-gvern Ġermaniż għandu raġun.
Ħaġa kurjuża kif kważi qatt – waqt li l-Ewropa riesqa lejn dan l-impass finanzjarju – ma jissemmew ir-regoli ta’ tmexxija taż-żona tal-ewro. Dawn jippermettu (biex wieħed ma jgħidx jinkoraġġixxu) lill-istati membri biex jirrispettaw ir-regoli baġitarji taż-żona billi jnaqqsu l-ispiża fl-investiment u jsostnu l-ispiża rikorrenti għal raġunijiet elettorali.
Illum il-priorità Ewropea saret it-twettiq ta’ investimenti produttivi, infrastrutturali u militari. Biss, kif se jinstabu r-rieda politika, il-mezzi u l-appoġġ popolari biex dil-priorità titħaddem?
ŻMIEN L-GĦAŻLA
Qatt ma ħassejtni konfortabbli nikkummenta dwar l-għażliet organizzattivi ta’ partiti politiċi li nopponi jew ma naqbilx magħhom. Dawn huma ħwejjeġ interni li trid tkun qed tieħu sehem fihom mill-qrib biex tifhem il-loġika (anke jekk ma taqbilx magħha) ta’ li jkun għaddej. Ara mbagħad, dwar l-għażliet politiċi li jagħmlu partiti “oħra”, m’hemmx limiti għall-kritika li trid issir.
Biss nammetti li ma nifhem xejn għaliex il-PN biex jagħżel il-mexxej tiegħu il-ġdid qed jieħu daqstant żmien. Dan m’għandu xejn x’jaqsam mal-għażla politika li trid issir internament bejn il-kontestanti. Imma ġimgħat sħaħ biex tiġi organizzata elezzjoni interna mhumiex wisq? Fi żmien meta l-elezzjoni ġenerali mhiex daqstant bogħod? Wieħed jifhem li fir-Renju Unit u forsi fil-Ġermanja… partit irid jiżgura li hemm żmien biżżejjed biex issir konsultazzjoni sħiħa mat-tesserati. Imma għal gżira ċkejkna bħal tagħna hemm bżonn dat-tul kollu, waqt li l-partit jibqa’ bla ras?
IR-RAZZIŻMU F’MALTA
Nittama li dawk li jsostnu, anke b’rieda tajba, li l-maġġoranza tal-Maltin mhumiex razzisti, għandhom raġun. L-evidenza ta’ xinhu jiġri f’pajjiżna ma tantx tappoġġja t-teżi tagħhom. Bħall-istorja tal-pizzeria li dan l-aħħar irrifjutat li dawk li jwasslulha l-pizzez tagħha, jinqdew fit-toilets tagħha. Hemm episodji oħra, uħud ħafna ikreh.
Sadattant l-awtoritajiet publiċi qed jagħmlu mill-aħjar tagħhom biex jikkombattu r-razziżmu. Bħal bir-riklam eċċellenti ta’ Transport Malta dwar “Safety at Sea” li jixraqlu kull tifħir. Madankollu, wieħed ikollu jiddubita kemm l-isforzi kollha intenzjonati tajjeb minn awtoritajiet publiċi u volontarji, fosthom tal-Knisja, qed jagħtu riżultati.