Il-Finlandja u l-Iżvezja formalment applikaw biex jissieħbu fin-NATO. Dawn iż-żewġ pajjiżi waslu għal din id-deċiżjoni wara l-invażjoni Russa ġewwa l-Ukrajna. Din hija mossa storika min-naħa ta’ dawn il-pajjiżi skandinavi hekk kif b’dak li għamlu huma abbandunaw il-politika barranija li kien ilhom isegwu għal sekli sħaħ.
L-applikazzjoni ġiet sottometta fl-istess waqt li madwar 250 ġellied Ukren ċedew ġewwa Mariupol, wara ġimgħat sħaħ ta’ reżistenza ġewwa l-impjant tal-azzar ta’ Azovstal. B’hekk dan ġab fi tmiemu l-assedju qalil tar-Russi f’din il-parti tal-Ukrajna. Kemm il-Finlandja u anke l-Iżvezja segwew politika ta’ newtralità matul il-Gwerra l-Bierda, iżda b’dak li wettqet ir-Russija huwa evidenti li dawn il-pajjiżi ħassewhom mhedda tant li waslu biex bidlu l-politika barranija tagħhom.
Jekk l-applikazzjoni tkun suċċess, dan se jwassal biex l-alleanza militari tan-NATO tkompli tespendi l-fruntieri tagħha, ħaġa li xejn ma niżlet tajjeb mar-Russja. “It-theddida” tan-NATO fuq ir-Russja kienet waħda mir-raġunijiet li elenka Vladimir Putin meta beda l-invażjoni ġewwa l-Ukrajna fi Frar li għadda.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg iddeskriva dan il-mument bħala wieħed storiku li jrid jinħataf. Diplomatiċi qalu li r-ratifikazzjoni min-naħa tat-30 alleat jaf jieħu saħanistra sena sħiħa.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, it-Turkija ħasdet lill-alleati meta qalet li hija għandha riservi dwar il-possibbiltà li l-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fin-NATO, iżda Stoltenberg qal li huwa jemmen li din tista’ tiġi riżolta.