Wednesday, December 25, 2024

Il-FKNK titlob għar-responsabbiltà fir-riżervi wara illegalitajiet imwettqa mill-pubbliku

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti Daniel Xriha ressaq it-tħassib tal-federazzjoni rigward is-sitwazzjoni xejn mixtieqa fir-riżervi tagħhom.

F’ritratti mehmuża, Xriha jsemmi irresponsabbiltajiet bħalma huma vandaliżmu, periklu ta’ nar, ħsara fuq siġar u art ikkultivata, serq ta’ tabelli li kienu mwaħħlin mill-awtoritajiet proprju l-ġimgħa l-oħra, u żibel sparpaljat ma’ kullimkien li tħalla minn persuni li żaru r-Riserva tal-Aħrax, il-Mellieħa għal ħin ta’ rikreazzjoni tagħhom matul tmiem il-ġimgħa.

Xriha jkompli li dan it-tip ta’ vandaliżmu u ħsara vendikattiva mhumiex xi ħaġa rari, anzi ilu jseħħ fuq bażi regolari fir-Riservi tal-FKNK tal-Aħrax kif ukoll tal-Miżieb, tul dawn l-aħħar 36 sena, kemm ilhom ir-Riservi għand l-FKNK.  

Is-Segretarju Ġenerali jkompli li dan jixhed ukoll kemm il-pubbliku għandu aċċess liberu għar-Riservi, għal kuntrarju ta’ Riservi oħra li jappartjenu lil entitajiet u NGOs oħra li huma magħluqin għall-pubbliku.

Għaldaqstant il-FKNK appellat lill-awtoritajiet konċernati sabiex minnufih jappuntaw il-Conservation Officers b’poteri eżekuttivi kif stipulat fil-ftehim u l-MOU ffirmat bejn l-FKNK. Talab ukoll li  l-istess awtoritajiet biex qabel jerġgħu jitwaħħlu tabelli ġodda, jiġu installati s-CCTV Kameras, il-Bollards u l-Gradi kif miftiehem ukoll. Il-FKNK qiegħda wkoll tapella wkoll lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex issir aktar sorveljanza fl-inħawi tar-Riservi tal-Aħrax u l-Miżieb, speċjalment lejn tmiem il-ġimgħa.

Fl-aħħarnet, il-FKNK appellat lill-pubbliku li ta’ sikwit iżur ir-Riservi, sabiex ikun aktar prudenti, jirrispetta l-liġi fl-imġiba tiegħu u jħares l-ambjent naturali fil-kilometri twal ta’ mogħdijiet pubbliċi u l-ispazji ta’ rikreazzjoni li hemm fir-Riservi.

Ekonomija

Sport