Thursday, May 16, 2024

Il-PM Awstraljan jiskuża ruħu mal-mara li allegat li ġiet stuprata fil-Parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison għamel apoloġija formali ma’ mara li kienet membru tal-istaff tiegħu li allegat li kienet stuprata minn kollega fil-Parlament fis-sena 2019. 

Il-każ ta’ Brittany Higgins qajjem reviżjoni kbira li identifikat kultura ta’ “boys club” fil-Parlament li fiha l-fastidju sesswali huwa mifrux. L-apoloġija fil-Parlament kienet ukoll indirizzata għal oħrajn li sofrew minn imġiba sesswali ħażina jew bullying f’dan il-post.

“Jiddispjaċini għall-affarijiet terribbli li ġraw hawnhekk. Dak li kellu jkun post ta’ sigurtà, inbidel f’inkubu,” qal Morrison fl-indirizz tiegħu fil-Parlament matul il-jum tat-Tlieta fejn Higgins kienet ukoll qiegħda ssegwi dak kollu li kien qed jingħad. 

“Jiddispjaċini wkoll għal dawk kollha li kien hemm qabel Higgins. Hija iżda kellha l-kuraġġ li titkellem u għalhekk aħna ninsabu hawn,” żied jgħid il-PM Awstraljan.   

L-istorja ta’ Higgins wasslet biex għexieren ta’ eluf ta’ nies jingħaqdu fi protesti s-sena li għaddiet. Sussegwentement, il-Kummissarju għad-Diskriminazzjoni Sesswali Kate Jenkins kienet sabet li wieħed minn kull tliet impjegati li jaħdmu fl-uffiċċji parlamentari kienu esperjenzaw fastidju sesswali. 

It-tim tagħha intervista kważi 500 persuna, qara aktar minn 300 sottimissjoni bil-miktub, u sema’ mingħand 1,723 individwu u 33 organizzazzjoni. Ir-rapport sab kultura mmexxija mill-alkoħol ta’ “bullying, fastidju sesswali u attakki sesswali.”

Sport