Friday, November 15, 2024

Il-FKNK tressaq protest ġudizjarju kontra l-Birdlife u Referendu Abrogattiv ieħor

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) illum ressqet Protest Ġudizzjarju kontra BirdLife Malta.

L-FKNK qalet li għamlet hekk peress li din l-entità fi stqarrija pubblika intitolata “l-ORNIS huwa sempliċiment għodda politika f’idejn il-PM Robert Abela”, qalet ukoll li “Se taħdem biex terġa’ tinfetaħ diskussjoni minnufih dwar referendum abrogattiv dwar il-kaċċa.”.

Il-FKNK qalet: “Fid-dawl ta’ tali dikjarazzjoni l-FKNK qed tiddeplora tali theddida bħala turija ta’ arroganza lejn il-vot fl-aħħar Referendu Abrogattiv li fih ġiet konfermata l-kaċċa fir-rebbiegħa.  Dan il-vot għandu jiġi rispettat u mbilli Birdlife Malta tilfet, ma tistax taqbad u b’kapriċċ tinjorah u terġa’ titlob Referendu ieħor biex terġa’ tittanta li twassal l-aġenda tagħha lejn l-għan finali tagħha – dak li tabolixxi l-kaċċa u l-insib minn Malta!”

Il-FKNK żiedet tgħid: “Bid-dikjarazzjoni li għamlu l-Birdlife Malta qegħda tagħżel li tinjora mhux biss dak li l-poplu Malti kien ivvota għalih, iżda qegħda tinjora wkoll u tmur kontra deċizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ppermettiet il-kaċċa fir-rebbiegħa, u agħar minn hekk qegħda tinjora għal kollox, b’mod egostiku, il-bżonn li jinżamm bilanċ bejn il-konservazzjoni tal-għasafar u ħtiġijiet kulturali u rikreazzjonali – bilanċ rikonoxxut ukoll fl-artikolu 2 tal-Direttiva tal-“Għasafar”.

“Għaldaqstant, il-FKNK tiddikjara illi iktar minn qabel hija se tkompli tissielet favur li tibqa’ tiġi prattikata l-kaċċa fir-rebbiegħa, u se tagħmel minn kollox biex tkompli tiddefendi il-prattiċi tal-kaċċa u l-insib tal-membri tagħha.  Il-FKNK ukoll twiegħed illi hija lesta li tieħu kull pass neċessarju biex timpedixxi lill-Birdlife Malta milli terġa’ titlob li jsir Referendum Abrogattiv, li jiswa fuq €6,000,000 mit-taxxi tal-poplu Malti, anke peress li tali talba ma hija xejn għajr disrispett totali lejn deċizzjoni demokratika li diġà ttieħdet.”

Ekonomija

Sport