Tuesday, May 21, 2024

Il-Fondazzjoni MAPFRE tkompli żżid għarfien dwar miżuri ta’ sikurezza fit-toroq

Aqra wkoll

Matul l-2024, il-fondazzjoni MAPFRE se tkompli fl-isforzi tagħha biex tiġġenera kuxjenza dwar miżuri ta’ sikurezza fit-toroq permezz ta’ inizjattivi bl-għan li jedukaw żgħażagħ u lill-pubbliku b’mod ġenerali dwar miżuri ta’ sikurezza fit-toroq.

Għal darb’oħra il-fondazzjoni MAPFRE ngħaqdet ma’ Doctors for Road Safety (D4RS), li ukoll huma iddedikati għal din il-kwistjoni importani. D4RS hija organizzazzjoni volontarja mwaqqfa minn tobba u studenti tal-mediċina bl-għan li żżid l-għarfien dwar is-sigurtà fit-toroq f’Malta. Permezz ta’ inizjattivi edukattivi u kampanji nazzjonali, din l-għaqda tistinka biex is-sikurezza fit-toroq issir prijorità. 

Il-Fondazzjoni MAPFRE se tkompli l-kampanja tagħha Street Smart li issa tespandi il-firxa tagħha għal aktar studenti, kemm fi-skejjel primarji kif ukoll dawn fis-sixth form, bl-għan li teduka lil dawk li jaf jiksbu il-liċenzja dalwaqt dwar kif jibqgħu siguri fit-triq. L-Għaqda D4RS se torganizza sessjonijiet edukattivi għall-istudenti tas-sixth form, li jiffukaw fuq il-proċess tal-kisba tal-liċenzja tas-sewqan b’mod responsabbli, fost oħrajn dwar l-għażla tal-ewwel karozza xierqa u ż-żamma tagħha kif suppost, l-ivvjaġġar permezz tal-mutur jew ir-rota, ir-riperkussjonijiet tal-veloċità, u l-implikazzjonijiet tas-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi jew l-alkoħol. 

Il-Kap Eżekkuttiv ta’ MAPFRE Middlesea, Javier Moreno Gonzalez  ingħaqad ma waħda minn dawn is-sessjonijiet edukattivi organizzat għal żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena. Huwa seta’ jesperjenza kif is-sessjonijiet tal-kampanja Street Smart fihom preżentazzjonijiet informattivi, diskussjonijiet interattivi, u dimostrazzjonijiet prattiċi iffaċilitati minn esperti mill-għaqda D4RS. Waqt dawn is-sessjonijiet, l-istudenti jitgħallmu dwar prattiċi għal sewqan sigur, l-impatt ta’ imġiba riskjuża fuq inċidenti tat-traffiku, kif ukoll is-sikurezza ta’ persuni li qed jimxu fit-triq.

Javier Moreno Gonzalez qal li “L-involviment taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq huwa ta’ importanza kbira għall-ħolqien ta’ futur aktar sikur fit-toroq tagħna. Aħna nistgħu ngħinu bl-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati, u b’hekk ikollhom is-setgħa li jkunu responsabbli fit-toroq tagħna, u jistgħu jkunu ta’ eżempju għal bqija tal-komunità”.

Il-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni MAPFRE u D4RS għanda l-għan li tinkoraġġixxi bidliet pożittivi fl-imġiba u li tinħoloq kultura ta’ kuxjenza dwar is-sikurezza fost iż-żgħażagħ. 

Il-Fondazzjoni MAPFRE hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita mill-Grupp MAPFRE  biex ittejjeb il-benesseri tas-soċjetà. Il-fondazzjoni tiffoka fuq inizjattivi relatati mas-saħħa, il-kultura u l-azzjoni soċjali, billi tappoġġa proġetti li għandhom impatt pożittiv fuq il-komunitajiet globalment.

Sport