Il-kap tal-GCHQ, li hija l-aġenzija tal-intelliġenza tar-Renju Unit, qal l-forzi Russi jinsabu “eżawriti” fil-kunflitt ġewwa l-Ukrajna u l-forzi ta’ Kiev jidher li qed imorru fuq l-offensiva.
Minkejja l-attakki bil-missili li kien hemm nhar it-Tnejn li għadda fuq l-Ukrajna, Sir Jeremy Fleming qal li Moska qiegħda tiffaċċja nuqqas serju f’dak li hu munizzjon filwaqt li tenna li d-deċiżjonijiet li qed jagħmel dan l-aħħar il-President Russu Vladimir Putin huma ħżiena.
Intant, il-President Ukren Volodymyr Zelenskiy talab lill-mexxejja tal-G7 biex malajr kemm jista’ jkun jissupplixxu lill-Ukrajna b’armi tal-gwerra ħalli jkunu jistgħu jiddefendu lilhom infushom mill-missili Russi, dan ġurnata wara l-attakk Russu li ħalla 19-il persuna mejtin.
Zelenskiy qal dan hekk kif il-President Amerikan Joe Biden u mexxejja oħrajn tal-G7 iltaqgħu b’mod virtwali biex jiddiskutu x’jista’ jsir iktar biex tiġi megħjuna l-Ukrajna kif ukoll jisimgħu dak li għandu xi jgħid il-mexxej Ukren. Fl-intervent tiegħu Zelenskiy qal li s-sistemi ta’ difiża tal-ajru huma “prijorità numru wieħed”, ħaġa li Biden diġà kien wiegħed li se jipprovdi.
L-attakk bil-missili li r-Russja wettqet nhar it-Tnejn li għadda kien mifrux fuq diversi żoni madwar l-Ukrajna u fih intlaqtu impjani tal-enerġija u anke postijiet ċivili bħal parks u żoni turistiċi. Dan l-attakk ikkawża qerda, terrur u anke qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Hu mifhum li minn tal-inqas 19-il persuna tilfu ħajjithom u 105 sofrew ġrieħi.
Dan qiegħed ikun meqjus bħala attakk ta’ ritaljazzjoni wara l-attakk li seħħ fuq il-Pont Kerch – li jgħaqqad lir-Russja mal-Krimea – nhar is-Sibt li għadda. Kiev qatt iddikjarat uffiċjalment li kienet hi li wettqet dan l-attakk, liema attakk kien deskritt mill-President Putin bħala “att terroristiku”. L-attakk ikkawża ħsarat kbar fuq il-pont u ħalla minn tal-inqas tliet ċittadini mejtin. Dan il-pont huwa wieħed kruċjali biex jitwasslu l-provvisti lill-forzi Russi li qed jokkupaw in-Nofsinhar tal-Ukrajna.
Fil-laqgħa tal-G7 ukoll il-mexxejja wissew lill-Beralus – li huwa alleat kbir tar-Russja – kbir ma jinvolvix ruħu f’din il-gwerra u dan hekk kif fl-aħħar sigħat sar magħruf li l-Belarus se jkun qiegħed jibgħat truppi qrib il-fruntiera mal-Ukrajna.