Saturday, December 21, 2024

Il-ftehim Doha “kien katalista” għall-waqgħa tal-gvern afgan

Aqra wkoll

Uffiċjali għoljin tad-difiża tal-Istati Uniti qalu li l-avvanzi veloċi li t-Taliban wettqu fl-Afganistan saru konsegwenza tal-ftehim li kien sar bejn il-grupp u l-amministrazzjoni ta’ Donald Trump. Il-ftehim ta’ Doha kien ġie ffirmat fi Frar tas-sena li għaddiet u kien iddikjara d-data ta’ meta t-truppi Amerikani kellhom jitilqu minn dan il-pajjiż. 

Il-Ġeneral Frank McKenzie qal li dan il-ftehim kellu effett devastanti, iżda b’mod sottili, fuq il-gvern Afgan u l-militar tal-pajjiż. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti Lloyd Austin qabel ma’ dak li qal McKenzi u tenna li dan il-ftehim għamel lit-Taliban “iktar b’saħħtu”.

Apparti d-data tat-tluq, il-ftehim Doha poġġa obbligi fuq it-Taliban biex jieħdu l-passi neċessarji ħalli gruppi militanti bħalma huma l-Al Qaeda ma jheddux is-sigurtà tal-Istati Uniti u l-alleati tagħha.

Wara l-elezzjoni, li fiha Joe Biden inħatar bħala President ġdid tal-Istati Uniti, huwa kompla fuq il-pjan tat-tluq tat-truppi iżda kien mexxa d-data minn Mejju għal Awwissu.

L-uffiċjali tad-difiża tal-Is­tati Uniti għamlu dawn it-testimonjanzi quddiem il-House of Representatives Armed Services Committee. Is-smigħ qiegħed isir ġimgħat wara t-tluq kaotiku mill-ajruport ta’ Kabul li kien kiseb l-attenzjoni tad-dinja kollha. Bħala kap tal-US Central Command, il-Ġeneral McKanzie kien il-persuna li amministra t-tluq tat-truppi Amerikani mill-Afganistan wara għoxrin sena ta’ preżenza f’dan il-pajjiż. Quddiem il-kumitat McKenzie qal li l-ftehim Doha kellu effett psikoloġiku qawwi fuq il-gvern Afgan hekk kif dan poġġa data quddiem il-gvern li fiha l-assistenza kienet se tieqaf totalment.  

Huwa tenna li “għal żmien twil” emmen li jekk l-Istati Uniti tnaqqas il-konsulenti militari ġewwa l-Afganisan għal inqas minn 2,500, il-gvern Afgan  u l-militar kienu se jikkollassaw. Hu tenna li wara il-ftehim Doha, l-ordni ta’ Biden f’April li għadda biex ikomplu jonqsu t-truppi kienet “musmar ieħor fit-tebut”.

Ekonomija

Sport