Saturday, May 4, 2024

IR-REBĦA TAL-SPD

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ir-rebħa bi żbrixx tal-SPD fl-elezzjonijiet għall-Bundestag Ġermaniż reġgħet poġġiet lis-soċjalisti f’qagħda ċentrali tal-politika Ġermaniża. Ilhom ma jkunu hekk minn tmiem it-tmexxija tal-kanċellier Gerhard Schroeder. Kienu r-riformi li dan daħħal fis-suq tax-xogħol li neħħew sal-lum lis-soċjalisti minn din il-qagħda. L-istess riformi poġġew il-pedamenti għat-tisħiħ ekonomiku li għalih imbagħad ħadet il-kredtu Merkel!

Biss dil-qagħda ċentrali f’dawn iż-żminijiet tissarraf f’ħafna anqas saħħa politika milli kien jiġri sittax-il sena ilu. Il-ħtieġa li koalizzjoni tiġi negozjata bejn tliet partiti jekk mhux aktar, ma kinitx tqum qabel f’pajjiż li ilu mmexxi mill-koalizzjonijiet: imma kienu jkunu tal-aktar bejn żewġ partiti.

Skont ma jintqal, l-istrutturi tal-partit soċjalista dan l-aħħar iddgħajfu. Is-sogru jkun li bil-kompromessi li jkollhom isiru ħalli jintiseġ gvern ġdid, is-soċjalisti ma jkollhomx ilqugħ biżżejjed biex isostnu diż-żieda fil-popolarità li kisbu u li malajr tista’ turi ruħha fraġli ħafna.

INFLAZZJONI

Baqgħu jtektku l-indizji ta’ għoli tal-ħajja. L-esperti kważi kollha baqgħu jsostnu li ħafna mill-fatturi li qed iħeġġu iż-żieda fil-prezzijiet huma temporanji. L-aktar li qaluha b’mod ċar forsi kienu esponenti tal-Bank Ċentrali Ewropew. Għalihom dil-kwistjoni hi marbuta ma’ kif fl-aħħar snin, il-BĊE daħal biex jixtri ċedoli ta’ self tal-gvernijiet ħalli jsostni l-ekonomija Ewropea.

Interventi ta’ dat-tip is-soltu jkunu mistennija jwasslu għal għoli fil-prezzijiet peress li jkunu qed jiġġeneraw ħafna flus “fl-idejn”. Dan baqa’ ma ġarax ħlief fl-aħħar ġimgħat, hekk kif fl-aħħar, il-pandemija tal-Covid-19 donnha kienet qed tiġi kkontrollata.

Id-dibattitu għadu sejjer – hi inflazzjoni ta’ ftit żmien, jew l-għoli tal-prezzijiet se jibqa’ jirranka?

ĦSEJJES TA’ AJRUPLAN

Dan l-aħħar mill-għoli smajt ħsejjes pjuttost qawwija ta’ magna jew magni ta’ ajruplani għaddejja fil-baxx jew hekk inħassu. Filfatt kienu l-ajruplani tal-grupp militari Brittaniku Red Devils itiru bi tħejjija għall-wirjiet li jagħtu fl-ajru.

Il-ħsejjes li għamlu kienu strambi imma familjari ħafna fl-istess ħin. Fl-aħħar snin tlajt f’ajruplani u kont f’ajruporti kważi kull ġimgħa u ma niftakarx li smajt xi ħsejjes simili. Anqas u anqas meta nkun Malta, anke qrib l-ajruport. Għaliex allura l-ħsejjes donni kont smajthom qabel, u mhux darba?

Fl-aħħar ftakart. Meta kont żgħir… u bħali nies tal-ġenerazzjoni tiegħi u anke ta’ wara… dawk il-ħsejjes konna nisimgħuhom ta’ spiss – ajruplani neżlin b’ċerta ħeffa biex jillandjaw, jew telgħin fl-ajru. Kienu jkunu ajruplani militari bbażati f’Malta fl-istakkament tar-Royal Air Force (RAF) li kien jinżamm stazzjonat fil-gżejjer.

It-titjiriet u l-preżenza tagħhom kienu parti mill-karattru tal-ħajja f’Malta. Dawk li twieldu għall-bidu tas-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor ma jiftakru xejn mill-ħsejjes tal-ajruplani militari! 

Sport