F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa Marsaskala t-Tnejn filgħodu, il-kelliema ta’ ADPD – The Green Party fakkru fil-pożizzjoni ċara tal-partit fejn jidħlu drittijiet tal-annimali kif ukoll dik kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u l-insib.
Mina Tolu (kandidat fuq id-9 u l-10 Distrett) qalu li għad fadal ħafna xi jsir fil-qasam tal-protezzjoni u l-benesseri tal-annimali f’pajjiżna.
Il-Perit Carmel Cacopardo (Chairperson tal-ADPD u kandidat fuq ir-4 u d-9 distrett) tenna il-pożizzjoni tal-ADPD kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Hu qal li “il-ftuħ tal-kaċċa tar-rebbiegħa f’April huwa żball ikrah – il-gamiem huma speċi vulnerabbli li għandhom jitħarsu u mhux maqbuda eżatt qabel ma dawn ikollhom iż-żgħar. Prinċipju bażiku tal-protezzjoni tal-bijodiversità. Ma hemm l-ebda mod li l-kaċċa fir-rebbiegħa tista’ tkun imsejħa sostenibbli.”
“Barra minn hekk, l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa dejjem jintuża bħala skuża għal qtil illegali ta’ għasafar, kif diġà ġara fil-passat. Fi Frar, BirdLife Malta qalet li minn 794 għasafar protetti maqtula illegalment fl-aħħar tmien snin, 76% ġew maqtula fl-aħħar erbgħa snin biss. Dawn l-għasafar qed jinqatlu għall-ibbalzmar. Huwa fatt magħruf li f’dan iż-żmien kollu l-Gvern qeda biss lill-kaċċaturi u n-nassaba, billi ħallihom jiddominaw il-kampanja tagħna. Bħal PL, il-PN mhux wisq ‘il-bogħod biex jaqdi lill-kaċċaturi, u jagħmel dak kollu possibbli biex jikseb il-voti tagħhom lejlet l-elezzjoni. Dan mhux aċċettabbli.”