Fis-17 tax-xahar se jkun qiegħed jinħareġ fond ta’ €16.2 miljun Ewro f’mekkaniżmu ġdid tal-COLA. Ħabbru dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mekkaniżmu l-ġdid għall-għoli tal-ħajja għall-vulnerabbli li ġie mħabbar fil-Budget.
Il-Ministru Clyde Caruana qal li matul l-aħħar snin f’pajjiżna kienet ilha għaddejja d-diskussjoni sabiex il-mekkaniżmu eżistenti tal-COLA jiġi rivedut biex dawk li jifilħu l-inqas jiġu mwieżna l-iktar. Dan qatt ma seħħ għaliex qatt ma ntlaħaq qbil bejn l-imsieħba kollha. Għaldaqstant, wara konsultazzjoni wiesgħa, il-Gvern qed jintroduċi dan il-mekkaniżmu addizzjonali li jwieżen lil dawk il-familji l-iktar fil-bżonn.
Il-Ministru Caruana qal wara konsultazzjoni ma’ diversi partijiet, ’il fuq minn 86,500 persuna li huma mifruxin f’madwar 45,000 familja se jkunu qegħdin jirċievu din l-għajnuna li mhix intenzjonata li tingħata biss għal din is-sena. F’dan ir-rigward l-Ministru Caruana qal li l-argument tal-Unjins li meta l-prezzijiet jogħlew ma jkunx ifisser li wara xi perjodu stipulat dawn ikunu se jonqosu u għalhekk din l-għajnuna hemm bżonn li tibqa’ tingħata. Żied jgħid li dan il-mekkaniżmu huwa xi ħaġa teknika u xjentifika li tista’ tiġi riveduta f’każi ta’ anomaliji bħalma jista’ jkun żieda fir-rata tal-inflazzjoni. Qal ukoll li dan kollu jagħmel il-mekkaniżmu wieħed ħaj u li awtomatikament se jkun qiegħed jikkoreġi l-għajnuna li se tkun qiegħda tinħareġ skont il-ħtieġa. Il-mekkaniżmu huwa l-qafas u l-prinċipju tal-ġustizzja soċjali għax il-gvern qiegħed jifhem li aktar kemm tkun numeruża l-familja, akbar ikun il-piż tal-familja.
Il-familji li jaqilgħu sa 40% tal-limitu massimu se jirċievu ċekk ta’ €643, dawk li jaqilqgħu sa 60% se jieħdu ċekk ta’ €200, filwaqt li l-inqas ċekk li se jieħdu l-familji huwa ta’ €100. Dawn se jidħlu direttament fil-kont tal-bank.
Il-benefiċċju huwa sostenibbli u huwa ppruvat tant li li kieku dan il-mekkaniżmu kien jitħaddem f’dawn l-aħħar 20 sena, il-mekkaniżmu kien jiġi rivedut ’il fuq f’ħames każi fosthom bejn l-2008 u l-2009 meta l-ħajja kienet għoliet.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon qal li l-għan soċjali ta’ dan il-gvern huwa bbażat fuq li jinħoloq il-ġid u r-reżiljenza li bi tmexxija finanzjarja baqgħu jiżdiedu l-impjiegi u tissaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż.
Żied jgħid li dan il-mekkaniżmu mhux biss jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn jiġi rivedut, iżda aktar minn hekk irid jitqies fil-qafas soċjali kollu.
Huwa fakkar li l-Budget għas-sena d-dieħla żied l-investiment fil-politika soċjali għal wieħed rekord li se jlaħħaq iż-€2 biljun.
Żied jgħid ukoll li dan ix-xahar, il-Gvern se jħallas ukoll iċ-children’s allowances u anki l-in-work benefit b’żieda oħra biex tiġi mwettqa wegħda oħra elettorali.
Fakkar li n-nies li jiddependu mill-benefiċċji soċjali naqsu b’aktar min-nofs mill-2013 sal-lum. Dan hekk kif dawk reġistrati għal dawn il-benefiċċji naqsu minn aktar minn 14,000 persuna li llum niżlu għal madwar 6,000 grazzi għall-investiment ta’ dan il-gvern.