Sunday, October 27, 2024

Il-futbol huwa sabiħ għax jagħtik l-opportunità li tkun aħjar għada, jekk ma tkunx tajjeb illum – Matteo Gambin

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn età żgħira, meta ta’ sitt snin, il-ġenituri tiegħi daħħluni fin-nursery ta’ Zabbar St. Patrick FC. Barra minn hekk, kbirt f’familja li l-futbol huwa għal qalbha ħafna. Dejjem kont nara l-logħob ma’ missieri, nannuhi, u ħija, u l-interess dejjem żdied. Bħala partitarju ċkejken tal-AC Milan, kont nammira ħafna lil Zlatan Ibrahimovic tal-mentalità b’saħħitha li kellu u tal-gowls li kien jiskorja.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tieghek ma’ Birkirkara FC sa issa?

L-esperjenza tiegħi ma’ Birkirkara s’issa kienet waħda pożittiva. L-ewwel staġun sibtha diffiċli għax kienet l-ewwel esperjenza lil hinn minn Zabbar St. Patrick FC, wara għaxar snin mal-klabb, u b’hekk batejt ftit sakemm drajt f’ambjent ġdid. Mit-tieni sena sibt saqajja u bdejt nilgħab b’kunfidenza, tant li sirt parti integrali mit-tim tal-kbar. Lgħabt diversi logħob fil-Kampjonat Premier, kif ukoll fl-FA Trophy. L-iżjed mumenti għal qalbi huma meta fl-istaġun 2022/23 dħalt bħala sostitut fil-ħin barrani fil-logħba tal-aħħar 16 kontra Balzan FC, fejn irbaħna bil-penalties, kif ukoll ir-rebħ tal-FA Trophy fil-finali.

X’tikkummenta fuq l-eks kowċ ta’ Birkirkara FC, Jose Borg?

Il-kowċ Jose Borg ġie f’mument diffiċli tal-istaġun, u dejjem għamel mill-aqwa tiegħu biex jimplimenta l-filosofija offensiva li għandu. Il-klabb kellu l-vantaġġ li l-kowċ diġà kien qed jaħdem ma’ Birkirkara bħala l-kowċ tat-tim tan-nisa, jiġifieri kien wiċċ familjari. Barra minn hekk, għen il-fatt li rana nilgħabu kemm-il darba minn barra, u dan kien ta’ vantaġġ għalih meta ħa t-tmexxija tal-iskwadra ewlenija tal-klabb, għax sar jaf aħjar il-karatteristiċi tal-plejers u seta’ jaħdem biex itejjeb xi djgħufijiet individwali.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fil-Kampjonat Premier?

Iva, nemmen li hemm differenza. It-timijiet ta’ fuq ikollhom aktar pussess tal-ballun u jikkreaw ħafna iżjed. Barra minn hekk, ikollhom aktar riżorsi finanzjarji disponibbli. Madanakollu, it-timijiet iż-żgħar jafu jkunu l-aktar timijiet diffiċli biex tilgħab kontrihom. Dawn il-logħbiet huma l-aktar delikati għax tim li fuq il-karta huwa aktar superjuri jkun jista’ jirbaħ dawn it-tip ta’ logħbiet bl-attitudni u l-atteġġjament it-tajjeb biss. Ħafna drabi, dawn it-timijiet ma jirrispettawx lill-avversarju, u dan iwassalhom biex jitilfu dawn it-tip ta’ logħbiet. L-aqwa timijiet huma dawk li waqt li jemmnu li huma superjuri, dejjem jibqgħu umli u jirrispettaw lil kull tip ta’ avversarju.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Iva, nemmen li ċerti barranin li jiġu ma jilħqux il-livell mistenni mingħandhom u li hemm plejers Maltin li huma ferm aħjar. Ovvjament, dejjem ikun hemm plejers barranin li jkunu lagħbu f’livelli mill-aqwa u b’hekk ikunu superjuri għal plejers oħrajn, kif rajna b’Enzo Cabrera u Angel Torres fis-snin li għaddew, iżda nemmen li hemm diversi Maltin li huma ferm superjuri minn ċerti barranin li jiġu.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Premier?

Jien nemmen li l-grawnds jistgħu ikunu aħjar. Fil-fehma tiegħi, l-art tas-Centenary Stadium għandha tiġi magħmula mill-ġdid. Barra minn hekk, nemmen li l-logħbiet għandhom jinferxu f’aktar grawnds, u ma jkunx eskluż il-Gozo Stadium. Naħseb li qed jintlagħbu ħafna logħbiet fit-Tony Bezzina Stadium u n-National Stadium, u b’hekk ma tistax tinżamm il-kwalità ta’ dawn il-grawnds. Minħabba dan il-fatt, il-plejers sostituti ma jitħallewx jidħlu fil-grawnd fil-ħalftime, xi ħaġa li ma naqbilx magħha. Jien tal-fehma li jekk tittejjeb il-kwalità ta’ ċerti grawnds, bħal tal-Ħamrun, li kienu jintlagħbu l-logħbiet tal-Premier fih fil-passat, il-logħbiet ikunu mifruxa f’aktar grawnds, u b’hekk tinżamm aħjar il-kwalità ta’ dawn il-grawnds.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Premier?

Inġenerali, naħseb li l-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Premier jista’ jkun aħjar. Ħafna mid-drabi jwaqqfu l-logħob għal xejn u b’hekk ikissru r-ritmu tal-logħba. Barra minn hekk, ħafna minnhom ikunu inkonsistenti fid-deċiżjonijiet li jieħdu u ma jkollhomx biżżejjed personalità, fejn xi drabi joħorġu karta u jerġgħu idaħħluha fil-but.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tieghek u mal-futbol?

Biex nibbilanċja l-iskola u l-futbol nagħmel ħafna sagrifiċċji. Xi drabi nqum kmieni jew indum sa tard billejl biex inlesti x-xogħol li jkolli, waqt li drabi oħra jkolli noqgħod ġewwa sabiex inleħħaq ma’ dak li jkolli nagħmel. Barra minn hekk, mhux faċli li ma jkollokx l-istess libertà daqs nies oħra tal-età tiegħek. Ikollok ħin limitat u l-ħajja tkun mgħaġġla ħafna. Diffiċli li wara ġurnata skola jkollok tibqa’ sejjer dritt il-grawnd għat-training jew għal logħba, waqt li l-istudenti l-oħrajn ikunu jistgħu imorru d-dar jistrieħu, iżda minn dawn id-diffikultajiet ksibt valuri b’saħħithom, bħad-dixxiplina u l-gratitudni.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Inħares lejn il-futur tiegħi fil-futbol b’antiċipazzjoni. Ninsab ħerqan biex inkompli nikber u nikseb aktar esperjenza logħba wara logħba. L-għan prinċipali tiegħi huwa li nkun plejer stabbilit fil-Kampjonat Premier. Diffikutajiet dejjem se jkolli, iżda nemmen li għandi l-kwalitajiet kollha biex nibqa’ miexi ‘l quddiem u negħleb l-isfidi kollha li jkolli quddiemi.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Li nista’ ngħid huwa li ma jfissirx li jkollok xi ħaġa inqas minn ħaddieħor jekk ikollok bżonn iktar żmien biex tasal. Din maratona, mhux sprint. Ħa jkun hemm mumenti diffiċli ħafna, imma l-aktar ħaġa importanti hija li tibqa’ sejjer. L-akbar kompetizzjoni li għandu jkollok hija lilek innifsek. Il-futbol huwa sabiħ għax jagħtik l-opportunità li tkun aħjar għada, jekk ma tkunx tajjeb illum!

Sport