Wednesday, July 24, 2024

Il-futbol jgħinek trabbi karattru biex taffaċċja kwalunke sitwazzjoni fil-ħajja b’maturitá – Nigel Zahra

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn dan l-isport bdiet minn etá ferm żgħira. Niftakarni nsegwi l- Juventus fuq it-televixin u nilghab ma’ sħabi speċjalment l-iskola kull ċans li stajna nsibu, iżda bdejt nipprattika l-futbol innifsu ta’ disa’ snin fin-nursery ta’ San Ġwann taħt il-gwida tal-‘head coach’ Sandro Zammit Fava, wieħed mill- ħafna persuni li bil-gwida tagħhom flimkien mas-sapport kontinwu tal-ġenituri kompliet tikber u tiżviluppa l-imħabba tiegħi lejn il-futbol … sport li sar parti integrali minn ħajti.

X’tikkummenta fuq l-aħħar staġun ta’ Pembroke Athleta FC fl-Amateur League?

L-istagun 23/24 għal Pembroke kien wieħed imħallat b’emozzjonijiet iżda kienet sfida megħluba li kollha kemm aħna se nibqgħu niftakru speċjalment għall-mod kif irnexxielna nilħqu l-għan tagħna fl-aħħar logħba biex inżommu postna fejn dejjem kien ħaqqna. Minkejja li konna waħda mill-iżgħar skwadri fil-kampjonat, irnexxielna xorta waħda nuru l-valur tagħna permezz ta’ ħidma kontinwa, sagrifiċċji u determinazzjoni kemm mill-plejers kif ukoll ma nistgħux ma nsemmux ix-xogħol kollu li għamlu magħna l-kowċis, speċjalment il-kowċ Jeffery Mifsud.

X’tikkummenta proprju fuq il-kowċ, Jeffrey Mifsud?

Jien ninsab grat li l-kowċ Jeffrey laqagħni fil-bidu tal-istaġun u tani l-opportunitá biex inkun wieħed mil-plejers il-ġodda tal-klabb. Napprezza l-fatt li emmen mill-bidu sa tmiem l-istaġun fil-kwalitajiet tiegħi biex inkun parti integrali fl-iskwadra sabiex stajna tabilħaqq nilħqu l-għan prinċipali tal-klabb. Il-kowċ Jeffrey huwa kowċ dedikat u professjonali ħafna f’xogħlu fejn dejjem wera dedikazzjoni biex itejjeb il-kwalitajiet individwali tagħna, kif ukoll dejjem kien preparat bl-aħjar mod possibli waqt it-taħriġ bħala preparazzjoni għal-logħob. Apparti minn hekk, il-kowċ Jeffrey, tajjeb li ngħidu li rnexxielu jgħaqqad skwadra kważi tista’ tgħid ġdida u żagħżugħa minn plejers b’karattri differenti iżda bena relazzjoni pożittiva li kellha parti integrali għas-suċċess li nżommu postna fl-Amateur League 1.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fl-Amateur League?

Bħal kull kampjonat ieħor fil-futbol, dejjem se jkun hemm dawk iċ-ċerti timijiet ta’ fuq li jispikkaw meta tikkumparahom ma’ timijiet oħra, iżda bħalma stajna nosservaw din is-sena, il-kampjonat ġieli esperjenza ċerti logħob b’riżultati sorprendenti fejn juri li kull logħba hija storja għaliha u għalkemm karatteristiċi bħall-baġits finanzjarji ta’ klabbs fil-bidu tal-istaġun u kemm esperjenza kif ukoll kwalitá ta’ plejers iffirmati tagħmel l-effett tagħha, xorta waħda tispikka l-importanza ta’ kif skwadra tipprepara għall-partita fit-taħriġ kull ġimgħa, kemm mill-aspett fiżiku kif ukoll dak mentali.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Li jkollok barranin li joffru ċerti kwalitajiet uniċi li jwasslu biex l-iskwadra tissaħħaħ u tilħaq l-għanijiet tagħha se tkun dejjem ta’ għajnuna fil-kampjonati Maltin. Iżda importanti li kull klabb għandu jagħmel l-analiżi tiegħu fuq xi plejers barranin beħsiebom jinvestu fihom, għaliex jekk kapaci tinvesti fl-istess jekk mhux f’iktar kwalitá li tinsab f’żgħażagħ Maltin li kapaċi jagħmlu xogħlhom u jmexxu l-iskwadra ‘il quddiem bil-kapaċitajiet tagħhom kemm individwali kif ukoll f’għaqda ta’ tim, id-deċiżjoni għandha dejjem tkun favur it-talent u l-potenzjal lokali.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Amateur League?

Ħafna jaqblu li l-aqwa grawnds li nistgħu nilagħbu l-logħob tal-Amateur League huma dejjem is-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium. Ikkumparati mal-grawnds l-oħra li jintlagħbu l-logħob fihom, hemm daqsxejn ta’ distakk jekk hux każ ta’ kwalitá ta’ turf, kwalitá ta’ dawl jekk jintlagħbu filgħaxija, sigurtá tas-saħħa għall-plejers eċċ. Miniex qed ngħid lanqas li ma jistgħux jintlagħbu logħob fihom peró hemm potenzjal ta’ arranġamenti li jistgħu isiru biex l-esperjenza tal-kampjonat tkun ferm isbaħ, aħjar u l-plejers finalment jilagħbu b’moħħhom iktar mistrieħ b’injuries li jistgħu ikunu evitabbli.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fl-Amateur League?

Ix-xogħol tar-referi għal kwalunkwe partita nifhmu li huwa wieħed diffiċli speċjalment f’mumenti ta’ deċiżjonijiet iebsin iżda għalkemm hemm referis bi kwalitá tajba u ta’ livell għoli ġo Malta, hemm ukoll referis li mhumiex tal-istess livell u li jirrefjaw fl-Amateur League, fejn sfortunatament wasslu għal numru ta’ deċiżjonijiet żbaljati li kellna nsofru minnhom, għalkemm setgħu jiġu faċilment evitati b’mod ċar.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xoghol tieghek u mal-futbol?

Dejjem qiestha ta’ prijoritá f’ħajti li jkolli bilanċ effettiv bejn ix-xogħol u l-ħajja sportiva speċjalment dik tal-futbol. Għalhekk l-iktar ħaġa importanti biex dejjem tirnexxi u tlaħħaq hija li jkollok ġestjoni tal-ħin (time management) tajba. Il-futbol jinvolvi ċertu mpenn li trid tkun lest għalih, għaliex apparti t-taħriġ ta’ kuljum bħala preparazzjoni tal-logħba kull gimgha irid isir ukoll ċertu xogħol individwali bħal attendenza f’gym, nutrizzjoni adattata għar-rutina tal-futbol kif ukoll sessjonijiet individwali ta’ rkupru. Għalkemm tinstema’ forsi diffiċli għal xi wħud, jekk ikollok id-determinazzjoni, l-għan li tirnexxi u l-imħabba lejn l-isport, tagħmel li tista’ biex finalment jirnexxielek tlaħħaq!

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Wara kapitlu ieħor ta’ futbol ma’ klabb u skwadra ġdida mimli ħidma, esperjenzi ġodda u lezzjonijiet siewja li ngħożż u nikber minnhom, issa wasal perjodu żgħir fejn nistrieħ, niffoka mill-ġdid u nerġa’ nibda nipprepara għal staġun ieħor fejn beħsiebni niżviluppa għanijiet individwali li jwassluni biex inkompli nikber bħala plejer tal-futbol, intejjeb il-ħiliet u l-kapaċitajiet tiegħi, kif ukoll naħdem fuq id-dgħufijiet tiegħi biex inkompli navvanza kemm nista’ fil-futbol u nibni futur mimli potenzjal!

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi lit-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaspiraw biex jibdew jieħdu l-passi lejn it-triq tal-futbol u jibnu karriera f’dan l-isport huwa dak li m’għandkom taqtgħu qalbkom qatt anke meta l-affarijiet ma jibdewx jiġu favurikom, żommu ruħkom dixxiplinati u aħdmu b’mod intelliġenti biex toħolqu xewqitkom f’realtá. Ftakru li fil-futbol jeżisti kemm ir-rebħ kif ukoll it-telf iżda dik m’għandhiex dejjem tkun l-ikbar importanza għaliex il-futbol iġib miegħu ukoll memorji, tagħlim, ħbieb ġodda kif ukoll jgħinek trabbi karattru biex taffaċċja kwalunke sitwazzjoni kemm fil-futbol kif ukoll barra minnu b’maturitá!

Ekonomija

Sport