Wednesday, July 24, 2024

“Irrid Malta li trid il-paċi”

- il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Irrid Malta li trid il-paċi u mhux il-gwerer, irrid Malta tal-progress u mhux Malta popolista, irrid Malta li tinvesti fin-nies u mhux li tieħu mingħand in-nies.” Hekk stqarr il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt l-aħħar attività politika tal-Ħadd qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Il-Prim Ministru quddiem folla kbira ta’ nies fiż-Żejtun qal li b’differenza minn ħaddieħor il-Partit Laburista u l-Gvern iridu Malta Magħquda u mhux mifuda kif irid ħaddieħor. Sostna li din hija Malta li jemmen fiha l-Partit Laburista u li se jibqa’ jaħdem sal-aħħar biex jikseb il-fiduċja tan-nies “ħalli t-twemmin tagħna favur Malta jerġa’ jirbaħ.”

Waqt id-diskors tiegħu Dr Abela għamel referenza għal diversi affarijiet li seħħew matul din il-ġimgħa li bihom il-ħajja tal-poplu qiegħda tmur dejjem għal aħjar. Fost l-oħrajn irrefera għal inawgurazzjoni tal-ispazju miftuħ fil-Birġu kif ukoll għal proġett li ġie inawgurat nhar is-Sibt li għadda fejn Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat ingħata dehra kompletament ġdida.

Il-Prim Ministru semma kif din il-ġimgħa ġie mħabbar ukoll investiment ġdid ta’ €60 miljun fil-manifattura ta’ tagħmir mediku minn Baxter u investiment ieħor minn EasyJet hekk kif se jkollha faċilità tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani li fiha se jaħdmu ħaddiema Maltin.

Fid-diskors tiegħu Dr Abela qal li Gvern Laburista beda jsewwi d-diskriminazzjoni li kien wettaq Gvern Nazzjonalista mal-pensjonanti li twieldu qabel l-1962. Irrefera wkoll l-aħbar li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa fejn fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena Malta rreġistrat surplus kif ukoll pajjiżna kellu l-akbar tkabbar ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.

Il-mexxej Laburista fakkar fil-kisbiet u riformi li wettaq dan il-Gvern fejn “ħaddieħor kien jgħidilna li pajjiżna mhux lest biex idaħħal drittijiet ċivili u n-nies għax kienu magħqudin urewhom bil-kontra… kienu jgħidu li Malta żgħira wisq biex tkun l-aqwa fl-Ewropa, u mill-ġdid għax il-poplu kien magħqud reġa’ wera bil-kontra.”

Ekonomija

Sport