Sunday, December 22, 2024

“Il-futur tal-Ewropa se jiġi deċiż fuq il-kamp tal-battalja”

- il-President Ukren Volodymyr Zelensky

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta kien qed jindirizza l-Parlament Malti, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qal li l-futur tal-Ewropa se jkun deċiż fuq il-kamp tal-battalja.

Zelenskyy stqarr li fl-Ukrajna mhux kunflitt hemm iżda għaddejja gwerra. Qal li kienet ir-Russja li invadiet it-territorju Ukren. “Huma ġew u qed joqtluna.” 

Ritratt: Alan Saliba

Minkejja dan, il-President Ukren saħaq li huma qed jagħmlu l-almu tagħhom kollu biex jipproteġu arthom u l-poplu tagħhom u biex ikun żgurat li tinġieb il-paċi fl-Ukrajna. 

Zelenskyy kompla billi għamel referenza għal dak li għaddiet minnu Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija. Qal li r-reżiljenza li wera l-poplu Malti f’dawn l-episodji b’ċertu mod iddefinixxew il-futur tal-Mediterran.

Huwa tenna li l-bumbardament fl-Ukrajna ma jiqafx, lejl u nhar. Qal li l-ajruplani Russi qed ikomplu jattakkaw. Dwar Mariupol, huwa qal li sa issa diġà ġew imġarrfa ‘l fuq minn 90% tal-binjiet antiki. “Il-belt ta’ Mariupol u dawk li qed jiddefenduha qed ikomplu bir-reżistenza tagħhom. Qed nużaw l-istrumenti diplomatiċi kollha biex insalvawhom.”

Zelenskyy qal ukoll li għandhom bżonn ta’ ajruplani u armi oħra. Qal li b’riżultat tal-gwerra 226 tifel u tifla u eluf ta’ adulti nqatlu. Dan filwaqt li 12-il miljun ruħ ġew spostati u ħames miljun ruħ kellhom jitilqu minn pajjiżhom. 

Il-President Ukren tkellem ukoll dwar is-sanzjonijiet. Qal li: “l-aggressur irid ikun imweġġa’ u ssirlu ħsara kemm jista’ jkun. Ir-Russja mblukkat il-portijiet tagħna fil-Baħar l-Iswed – dan ifisser it-twaqqif ta’ esportazzjonijiet agrikoli, pressjoni fuq is-suq tal-provvista globali jekk ma nistgħux nesportaw qamħ u żejt fost oħrajn.” 

Huwa ħeġġeġ ukoll lil Malta biex twaqqaf “il-privileġġi lir-Russi, inkluż il-passaporti tad-deheb”. Qal: “Jekk jogħġobok tħallix il-gżira tiegħek tiġi abbużata. Għamel il-kontrolli tiegħek. Ara liema Russi qed jużaw lil Malta biex jinħbew billi jużaw il-ġurisdizzjoni u l-art tiegħek.” 

Min-naħa l-oħra, huwa esprima l-gratitudni tiegħu li Malta ħadet deċiżjonijiet biex tipproteġi s-sigurtà Ewropea. “Noqogħdu fuq l-appoġġ tagħkom. Grazzi tal-opportunità. Grazzi Malta u Glorja lill-Ukrajna,” temm jgħid il-President Ukren.

Ekonomija

Sport