L-uffiċjali Ġappuniżi jistgħu jkunu qegħdin ikomplu jnaqqsu l-kontrolli fuq il-fruntieri għal vjaġġaturi barranin f’tentattiv biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Viċi Kap u Segretarju tal-Kabinett Seiji Kihara qal lit-televiżjoni lokali li l-fatt li ddgħajfet il-munita yen kien l-aktar mod effettiv biex jiġu attirati aktar turisti lejn il-pajjiż.
Il-yen, il-ġimgħa li għaddiet niżlet fl-inqas livell meta mqabbla mad-dollaru Amerikan għal dawn l-aħħar 24 sena.
Seiji Kihara qal li l-limitu ta’ kemm jidħlu turisti ta’ kuljum jista’ jiġi emendat fil-“futur mhux daqshekk imbiegħed”.
Il-Ġappun waqqaf il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi barranin għal dawn l-aħħar sentejn fost miżuri oħra biex inaqqas it-tixrid tal-virus tal-Covid-19.
Is-sena l-oħra, viżitaturi barranin saħansitra ġew ipprojbiti mil-Logħob Olimpiku ta’ Tokjo tal-2020.
Madankollu aktar kmieni dan ix-xahar in-numru ta’ turisti barranin li tħallew jidħlu fil-pajjiż żdied minn 20,000 għal 50,000 kuljum. Barra minn hekk dawn it-turisti ma baqgħux meħtieġa jivvjaġġaw bi gwida.
Rapporti oħra qed jissuġġerixxu li l-gvern saħansitra jista’ jneħħi għalkollox il-limitu tal-wasliet aċċettati kuljum fil-pajjiż.
Id-dollaru Amerikan kompla jissaħħaħ meta mqabbel ma’ muniti oħra hekk kif l-investituri żemmew għajnejhom fuq iż-żidiet fir-rati tal-imgħax tal-Bank Ċentrali Amerikan.