Wednesday, April 24, 2024

“Jekk tkun fiżikament tajjeb, xejn mhu impossibbli”

Jonathan Shaw

Aqra wkoll

Is-Swimrun hu tip ta’ sport li hu meqjus bħala wieħed mill-isport ferm avventurużi u spettakolari. Wieħed mill-iktar avvenimenti mistennija mid-dilettanti ta’ dan l-isporrt hu propju il-kampjonati dinjija tas-Swim Run li huma ferm prestiġjużi u li jiġbru fihom l-aqwa atleti mid-dinja kollha. 

Bażikament meta wieħed isemmi is-swimrun, ikun qed jirreferi għal taħlita ta’ ġiri u għawm li jsir b’mod alternat. Barra minn hekk, hemm element ta’ transizzjoni qasira fejn saħansitra l-atleti jibqgħu biż-żarbun anke meta jgħumu sabiex ma jintilifx ħin. 

Talk.mt tkellem ma’ Jonathan Shaw li flimkien ma’ sieħbu Robin Parnis England ħadu sehem fil-kampjonati dinjija tas-Swimrun li saru fi Stokkolma fl-Iżvezja.

Huma rnexxielhom jegħlbu ostakli li xejn ma kienu faċli filwaqt li kellhom disa’ kilometri ta’ għawm f’baħar miftuħ u 61 kilometru ta’ ġiri.

“Biex irnexxielna nispiċċaw il-korsa ta’ Otillo, kif inhi msejħa hemmhekk, kellna nkunu fiżikament tajbin, ridna nħaffu u fl-istess ħin ma nitilfux ħin u tkun lest sabiex tagħmel 46 transizzjoni bejn għawm u ġiri.”

B’kollox Shaw u Parnis England għamlu 24 ġirja u 23 għawma u kienu qed jikkompetu b’tim imsejjaħ “Keep it Real.” B’kollox huma damu 12-il siegħa jagħmlu din il-missjoni.

B’kollox ħadu sehem 328 tim mid-dinja kollha b’Shaw u Parnis England li kienu l-uniċi kompetituri Maltin. Kemm Shaw kif ukoll Parnis England m’għadhomx żgħar hekk kif tal-ewwel għandu 49 sena filwaqt li tal-aħħar għandu 50 sena.

“Minkejja l-eta’ tagħna li mhux daqshekk żagħżugħa, aħna nieħdu dan l-isport b’serjeta’ kbira, immorru l-gym nagħmlu l-eżerċizzji tagħna filwaqt li niġru distanzi twal sabiex dejjem inkunu mħejjija sew għal dawn it-tip ta’ tlielaq.”

Jonathan Shawn spjegalna wkoll it-tip ta’ art li kienu qed jiġru fiha li xejn ma kienet regolari b’ħafna tumbati, ħaxix u kull tip ta’ ostaklu possibbli. Dan jagħmel il-biċċa xogħol ferm diffiċli bil-muskoli ta’ sieqhom li mhux darba jew tnejn li ħadu xi skoss minħabba art irregolari għalkemm riedu jirkupraw kemm jista’ jkun malajr sabiex ma jitilfux ħin.

Iżda kif jirnexxielhom jippreparaw għal biċċa xogħol bħal din li anke ssemmiha tidher waħda ferm diffiċli?

“Trid tipprepara ruħek mhux biss fiżikament iżda l-qalba ta’ kollox hu proprju l-moħħ. Trid tkun lest sabiex tgħaddi minn mumenti ta’ prova fejn il-ħin hu importanti u fejn l-ostakli huma komuni għalkemm trid tkun tajjeb biżżejjed sabiex tegħlibhom.”

Shaw fisser ix-xenarju verament sabiħ fl-Iżvezja u minkejja kull diffikulta’ huma kienu jinsabu f’xena naturali li taqtagħlek nifsek. Huma kellhom jgħumu madwar 24 gżira u l-bidu fi Sandhamn hu verament sabiħ bil-veduta tal-Baħar Baltiku, is-siġar u dak kollu li tipprovdi n-natura. Anke tmiem it-tiġrija qabel ma jidlam f’Uto Vardshus hi waħda pittoreska u forsi dan kollu jimmotiva lill-atleti sabiex jibqgħu għaddejjin filwaqt li jiskopru s-sbuħija naturali ta’ dawn il-postijiet.

“Il-Baħar Baltiku hu l-pulmun tal-Arċipelagu ta’ Stokkolma u l-għan tal-organizzaturi hu li ġaladarba int tiskopri din is-sbuħija kollha, in-nies jarawh u mingħajr ma jridu titqajjem kuxjenza sabiex wieħed jipproteġi dawn in-naħat.”

Jonathan Shaw qal li f’kull mument tat-tellieqa kien hemm id-dgħajjes, staff mediku u marixxalli apposta sabiex jaraw li titħares is-saħħa u s-sigurta’ tal-atleti parteċipanti anke minħabba l-fatt li t-tiġrija mhux faċli u aktar iva milli le jkun hemm xi ftit minnhom li jweġġgħu xi ftit u jkollhom bżonn l-ewwel għajnuna.

Tkellimna dwar it-temp li normalment ma jkunx wieħed sħun speċjalment fil-pajjiżi Skandinavi. Madankollu Shaw u Cassar Parnis ħassewhom komdi fit-temperaturi ta’ dakinhar.

“Konna qed niġru u ngħumu f’temperaturi komdi. Tkun qed tiġri hu normali li joħroġlok l-għaraq. Anke t-temperatura tal-baħar kienet waħda aċċettabbli, dik ta’ 17-il grad Celsius u għalhekk ma tantx kellna xi ngergru dwar il-klima li sibna.”

Shaw qal li flimkien ma’ sieħbu Robin Cassar Parnis bdew jagħtu kuraġġ lil xulxin u dan kien nofs il-kuraġġ li kellhom sabiex jaslu sal-aħħar. Hu kkonferma magħna li din kienet l-itwal tellieqa li qatt ħadu sehem.

Iżda huma qed jitħajru jerġgħu jagħmluha?

“Kieku saqsejtni din il-mistoqsija eżatt mal-linja ta’ tmiem it-tiġrija, kont ngħidlek li żgur mhux se nerġa’ nagħmilha. Iżda issa li għaddew ftit jiem, nista’ ngħidlek li kemm jien kif ukoll Robin nikkunsidraw li nerġgħu nidħlulha. Veru li l-etá tagħna qiegħda hemmhekk iżda jekk tkun fiżikament tajjeb, xejn m’hu impossibbli.”

Sport