Tuesday, December 24, 2024

Il-garanzija estiża: x’għandna nkunu nafu dwarha?

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Il-garanzija estiża hija protezzjoni addizzjonali offruta lill-konsumaturi meta jixtru ċertu tip ta’ prodotti. Normalment, iżda, għal din it-tip ta’ garanzija, wieħed ikun irid iħallas miżata addizzjonali għaliha. Ir-raġuni wara dan il-ħlas hu li biha wieħed ikollu l-benefiċċju li juża din il-garanzija sabiex jitlob rimedju f’każ li l-prodott mixtri jirriżulta difettuż wara li kemm il-garanzija legali u anke dik kummerċjali  jkunu skadew.

Qabel wieħed jagħżel jekk għandux  jixtri din il-garanzija addizzjonali,  għandu jkun ċert li jaf x’inhuma t-termini u kundizzjonijiet abbinati magħha.  Għandu jfittex għall-kundizzjonijiet li jispjegaw liema partijiet tal-prodott tkopri l-garanzija u x’tip ta’ difetti jaqgħu taħtha. Din il-garanzija tkopri biss ħsarat mekkaniċi jew tkopri kollox, inkluż sitwazzjonijiet ta’ tkabir (wear and tear) u ħsarat oħra li jsiru b’mod aċċidentali?

Importanti wkoll li tingħata attenzjoni speċjali għal x’tip ta’ rimedji toffri l-garanzija. Ħafna drabi, il-garanziji estiżi jkunu jinkludu l-ħlas għat-tiswija u meta t-tiswija ma tkunx biżżejjed biex tissolva l-problema, il-garanzija tipprovdi bdil b’xejn ta’ dik il-parti jew saħansitra ġieli anke tal-prodott innifsu. Għalhekk, ikun tajjeb li qabel ma’ wieħed jieħu deċiżjoni u jaqbad u jħallas għall-garanzija estiża, jinforma ruħu sew u jara x’ tip ta’ rimedji tipprovdi f’każ li l-prodott ma jkunx jista’ jissewwa. 

Il-konsumaturi għandhom jiċċekjaw ukoll jekk il-garanzija issemmix xi ħlasijiet addizzjonali f’każ li wieħed ikun ser jitlob rimedju taħtha, bħall-pereżempju spejjeż sabiex il-prodott jinġabar minn dar il-konsumatur u jittieħed lura għand il-bejjiegħ jew ħlas għax-xogħol li jkun sar fuq il-prodott. Jekk dan ikun il-każ, importanti li  dawn l-ispejjeż addizzjonali jkunu mniżżla fit-termini u kundizzjonijiet tal-garanzija u l-konsumaturi jkunu jafu bihom.

Qabel mal-konsumatur jiddeċiedi li jixtri garanzija estiża, għandu jikkonsidra sew il-prezz totali li jkun irid iħallas sabiex jiksibha u jara wkoll il-valur tal-prodott li l-garanzija tkun ser tipproteġi. Wieħed għandu wkoll iqis xi spejjeż jista’ jkun hemm jekk ikollu jsewwi jew jibdel il-prodott minn butu u mhux bil-garanzija.  Dan għaliex il-garanzija estiża tkun utli li tinxtara meta wieħed ikun ser jieħu valur tajjeb għall-prezz li jkun ħallas għaliha, speċjalment jekk il-prodott li tkun tkopri jkun jiswa’ ħafna flus, bħall-pereżempju karozza ġdida. 

Qabel ma’ jiġi konkluż ix-xiri, il-konsumaturi għandhom ir-responsabbilità li jduru kemm jistgħu ħwienet sabiex ikunu jistgħu jqabblu l-prodotti li għandhom garanzija bażika differenti. Meta wieħed ikun qed jara x’differenzi hemm bejn garanzija u oħra, tajjeb li jżomm f’moħħu l-protezzjoni legali ta’ sentejn li tingħata awtomatikament meta jinxtara l-prodott. F’dan il-perjodu ta’ żmien,  il-liġi tagħti d-dritt lill-konsumaturi li jitolbu rimedju b’xejn f’każ li l-prodott mixtri jkun difettuż jew ma jkunx skont il-kuntratt tax-xiri. Jekk jiġri dan, il-prodott difettuż jew dak li ma jkunx skont il-kuntratt oriġinali tax-xiri, għandu  jissewwa jew jinbidel mill-bejjiegħ mingħajr ħlas.  F’każ li dawn iż-żewġ rimedji jkunu ser joħolqu inkonvenjenza kbira lill-konsumatur jew ma jkunux jistgħu jiġu offruti, wieħed imbagħad ikun jista’ jitlob li jingħata rifużjoni sħiħa jew parzjali tal-flus imħallsa.

Fl-aħħar mill-aħħar hi deċiżjoni tal-konsumatur jixtrix il-garanzija estiża jew le. Il-bejjiegħa ma jistgħux jobbligaw lill-konsumaturi jixtru din it-tip ta’ garanzija. Barra minn hekk, meta konsumatur jiddeċiedi li jixtri garanzija estiża, għandu jkun ċert li t-termini u kundizzjonijiet kollha li ġie mwiegħed bihom mill-bejjiegħ huma  mniżżla bil-miktub.

F’każ li ż-żewġ partijiet ikunu ftehmu fuq iktar termini jew ikun sar xi tibdil, wieħed għandu jkun ċert li dawn jitniżżlu wkoll. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu, li meta bejjiegħ ma jonorax garanzija kummerċjali jew estiża, il-konsumatur ikun jista’ jieħu passi legali kontra l-bejjiegħ. 

Ekonomija

Sport