Fl-istorja tal-ġurnaliżmu Malti kien hemm diversi gazzetti jew pubblikazzjonijiet lokali, apparti dawk nazzjonali. Il-gazzetta ‘IL-FURJANA’, għalkemm m’hix l-eqdem waħda fosthom, hi bla dubju ta’ xejn l-aktar waħda antika fost il-ftit gazzetti/pubblikazzjonijiet lokali li għadhom jeżistu fil-gżejjer Maltin sal-lum.
Fil-fatt kien proprju f’Ottubru ta’ 70 sena ilu (1953) li kienet ippubblikata l-ewwel ħarġa ta’ din il-gazzetta Furjaniża. Minn dakinhar ‘il hawn kienu ippubblikati b’kollox 267 ħarġa differenti. Normalment ikunu ppubblikati tlieta jew erbgħa ħarġiet f’sena. Għalkemm ġieli kien hemm snin fejn kienu ppubblikati inqas jew aktar.
Oriġinarjament ‘IL-FURJANA’ kienet l-organu tal-Floriana School Old Boys Association (FSOBA) li mis-Snin Sebgħin tas-seklu l-ieħor bdiet tissejjaħ Fsobians. Meta din l-għaqda għaddiet minn kriżi, li eventwalment wasslet għax-xoljiment tagħha u l-għeluq tal-klabb tagħha wkoll, il-gazzetta għaddiet f’idejn numru żgħir ta’ volontiera li żammewha ħajja u ippruvaw itejbuha.
Biex tfakkar dan l-anniversarju prestiġjuż, id-Direzzjoni tal-gazzetta ddeċidiet li proprju għal Ottubru 2023 tippubblika ħarġa speċjali li fil-verità hi żewġ ħarġiet f’waħda. L-ewwel waħda ħarġa kommemorattiva li qed tkun ippubblikata bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Floriana
Din il-ħarġa kommemorattiva fiha 20 faċċata (flok is-16 ta’ kull ħarġa normali) u fin-nofs tagħha fiha riproduzzjoni eżatta (inkluż id-daqs iżgħar minn dak attwali) tal-ewwel ħarġa ta’ 70 sena ilu, li kienet magħmula minn tmien faċċati. Jiġifieri il-ħarġa ta’ Ottubru fiha 28 faċċata b’kollox.
Il-ħarġa kommemorattiva tinkludi artikli dwar l-10 Edituri differenti li kellha l-gazzetta, fosthom il-mibki iżda qatt minsi Professur Furjaniż Oliver Friggieri; id-diversi mastheads jew banners li ntużaw tul dawn is-seba’ deċennji; il-crowdfunding li salva kemm-il darba lill-gazzetta milli tieqaf; id-disa’ stamperiji differenti li fihom kienet stampata ‘IL-FURJANA’ mill-bidu sal-lum; u artiklu ferm interessanti dwar il-ħanut ta’ Lorenzo Ellul – li l-Furjaniżi nafuh bħala ‘ta’ Ellul’ – li hemm fit-triq ta’ wara l-Knisja ta’ San Publju l-Furjana u li hu l-uniku li rreklama fl-ewwel ħarġa u għadu jeżisti sal-lum.
Din il-ħarġa speċjali fiha wkoll messaġġi mingħand is-Sindku Furjaniż Vince Borg, l-Editur attwali tal-gazzetta Stephen Tonna u l-eks Edituri li għadhom ħajjin, Adrian Agius, l-Avukat Dr David Fabri u Nigel Holland, li hu wkoll il-President tal-Fsobians, li reġgħet twaqqfet mill-ġdid xi snin ilu.
Barra dan il-materjal marbut mas-70 anniversarju tal-gazzetta, il-ħarġa seċjali ta’ ‘IL-FURJANA’ ta’ Ottubru, fiha wkoll il-Paġna tal-Kunsill Lokali Furjaniż, tliet paġni ta’ aħbarijiet attwali dwar il-Furjana u l-Furjaniżi, u artiklu miktub minn Jake Muscat dwar il-patrijott Furjaniż Sir Filippo Sceberras fl-okkażjoni tal-95 anniversarju mill-mewt tiegħu.
Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa speċjali jew ta’ xi ħarġiet oħra tal-gazzetta, jista’ jċempel fuq in-numru 79339649. L-istess numru jista’ jintuża wkoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal 5 Ewro biss fis-sena jew inkella jibbukkja bil-quddiem (u jiffranka) kopja tal-ktieb dwar il-Furjana li l-gazzetta se tippubblika s-sena d-dieħla fl-okkażjoni tal-ewwel 300 sena tal-belt tal-Furjana.