Tuesday, May 14, 2024

Darts: It-tim nazzjonali f’impenn internazzjonali fid-Danimarka

Aqra wkoll

It-tim nazzjonali tad-darts dalgħodu telaq lejn il-belt Daniża ta’ Ejsberg sabiex jieħu sehem fit-23 edizzjoni tat-tazza tad-dinja organizzata mill-Federazzjoni Dinjija tad-Darts.

Malta se tieħu sehem kemm fil-kategorija tal-irġiel kif ukoll f’dik tan-nisa. Fil-fatt Norbert Attard, Albert Scerri, Tony Borg u Enrico Scerri se jkunu qed jiffurmaw it-tim nazzjonali tal-irġiel filwaqt li Althea Ciantar, Liliana Abela, Marconia Zammit Borg u Pauline Tonna huma l-erba’ plejers li se jirrappreżentaw lil pajjiżhom fil-kategorija femminili.

It-tim tal-irġiel se jkun immexxi minn Tony Tonna filwaqt li George Ebejer u Chris Bailey se jmexxu lit-tim tan-nisa.

Id-delegazzjoni se tkun immexxija mill-president tal-Malta Darts Association Roderick Zammit bis-segretarju ġenerali Alex Arena li se jkun qed jassistih.

It-turnament f’Ejsberg jibda għada u jintemm nhar is-Sibt li ġej.

Sport