“Hekk kif id-dinja ta’ madwarna qiegħda tinbidel b’rata mgħaġġla aktar minn qatt qabel, l-imsieħba soċjali jridu jerġgħu jkunu fil-qalba tal-futur tagħna. Flimkien irridu niffokaw fuq l-isfidi li qed jaffaċċja s-suq tax-xogħol, minn nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema għal sfidi ġodda li jirriżultaw mill-intelliġenza artifiċjali. Għalhekk mal-Presidenza Belġjana matul is-sena d-dieħla se nerġgħu nlaqqgħu summit tal-imsieħba soċjali għal darba oħra f’Val Duchesse. Il-ġejjieni tal-Ewropa se jinbena mal-imsieħba soċjali u minnhom.”
Qalet dan il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fid-diskors annwali tagħha tal-Istat tal-Unjoni Ewropea fi Strasburgu, li kien ukoll l-aħħar wieħed għal din il-leġiżlatura tal-Parlament Ewropew, bl-elezzjonijiet tal-MEPs mistennija li jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
F’diskors twil u dettaljat, Von der Leyen tat ħarsa lejn il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u l-inizjattivi li mistennija li jittieħdu għaż-żmien li ġej. Hi bdiet billi qalet li fadal biss 300 jum qabel ma l-Ewropej joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet.
“Bħal kull elezzjoni oħra se jkun żmien fejn il-poplu jirrifletti dwar l-istat tal-ħidma tagħna u l-ħidma tar-rappreżentanti tagħhom. Se jkun żmien li niddeċiedu dwar x’ġejjieni u għamla ta’ Ewropa jridu, b’miljuni se jivvutaw għall-ewwel darba. Se jirriflettu dwar il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, dwar l-impatt qerriedi tat-tibdil fil-klima u l-intelliġenza artifiċjali kif biddlet ħajjithom,” qalet il-President tal-KE.
Kompliet tgħid li f’dawn it-300 jum li fadal, irid jintemm ix-xogħol li fadal. Hawn irringrazzjat lill-Parlament Ewropew għar-rwol fit-twettiq tal-aktar trasformazzjonijiet ambizzjużi li qatt inbdew fl-Ewropa.
“Twieldet unjoni ġeopolitika li tappoġġja lill-Ukrajna tieqaf għall-aggresjoni tar-Russja. Għandna patt ekoloġiku Ewropew fil-qalba tal-ekonomija tagħna. Qegħdin fuq quddiem biex naraw li t-tranżizzjoni diġitali titwassal biex inkunu pijunieri globali dwar id-drittijiet online. Għandna n-NextGenerationEU.”