Friday, November 15, 2024

Il-generative AI

Aqra wkoll

Meta tikkompara din it-teknoloġija ma’ oħrajn tittendi li din it-teknoloġija għandha potenzjal qawwi. Potenzjal li għadu qed jiżviluppa b’mod qawwi u mgħaġġel.

Bħalissa sezzjoni f’dan il-qasam li qed tiżviluppa b’mod qawwi u mgħaġġel hi l-generative AI. Il-generative AI hi teknoloġija li tuża ammont kbir ta’ data biex tiddentifika strutturi u mudelli u tuża dan biex toħloq affarijiet virtwali ġodda li jinkludu kitba, stampi u ritratti, ħsejjes u vuċijiet u videos li ma jintgħarfux minn dawk li jkunu maħluqa direttament mill-bnedmin.

Hi teknoloġija li l-potenzjal tagħha għadu qed jiżviluppa. L-istess id-direzzjoni li tieħu. Din it-teknoloġija diġa’ bdiet tintuża tista’ tgħin f’kull settur. Il-potenzjal tagħha għadu mhux magħruf għaliex f’ħafna postijiet għadu fil-bidu tiegħu. Jekk nieħdu s-saħħa tan-nies, dan għandu potenzjal qawwi għaliex ikun kapaċi jara, jistudja u jasal għal ċerta konklużjonijiet mill-esperjenza li jkunu għaddew minnha ammont ta’ pazjenti qabel. Dawn il-konklużjonijiet jgħinu ħafna lill-esperti tal-mediċina biex jifhmu aħjar kif jaħdem il-ġisem u b’hekk iwassalhom għal soluzzjonijiet għal ċertu mard u kundizzjonijiet ta’ saħħa. Mhux talli hekk, imma kif qal Dr Fearne twassal ukoll biex ma nħallux mard jiżviluppa u b’hekk intejbu l-kwalità tal-ħajja.

L-użu ta’ din it-teknoloġija mhux ristrett għas-saħħa imma tista’ tgħid jgħodd għal kull settur. Waħda mill-potenzjal li għandha hu li jnaqqas in-numru ta’ ħaddiema. Għall-maġġoranza tal-pajjiżi dan mhux benefiċċju speċjalment jekk l-ekonomija ma tkunx qed tespandi. Biss għal Malta, għal ħafna nies hu. Ir-raġuni hi li l-ekonomija tagħna qed tespandi u għalhekk tirrikjedi aktar ħaddiema. Peress li l-fertilita’ tal-Maltin naqset u qed tkompli tonqos biex inżommu l-ekonomija ikollna inġibu aktar barranin biex naqdu l-bżonnijiet tagħna. Ir-riżultat ta’ dan hu li 1 minn kull 5 residenti f’Malta hu barrani. Għalhekk din it-teknoloġija tista’ twassal biex ikollna anqas bżonn ta’ nies barranin. S’intendi biex il-Maltin ikollhom fejn jaħdmu, ikun hemm bżonn li nkomplu niżviluppaw il-ħaddiema tagħna biex ikunu jistgħu jieħdu postijiet tax-xogħol li huma aktar speċjalizzati u midħla tas-settur diġitali. Fil-fatt hi ħasra li ftit huma dawk il-ħaddiema li jitolbu li fil-ftehim kollettiv tagħhom, min iħaddem irid li jħarreġ aktar il-ħaddiema tiegħu biex ikunu jistgħu jaħdmu f’sistemi aktar teknoloġiċi l-aktar dawk diġitali.

Biss kull teknoloġija hi bħal sikkina. Meta teknoloġija tintuża b’mod tajjeb, tkun ta’ għajnuna imma meta tintuża b’mod ħażin, tkun ta’ ħsara. Aktar ma jkollha potenzjal qawwi sew il-ġid u sew id-deni jkunu aktar għolja. U hekk hi din it-teknoloġija. Għandha potenzjal qawwi u l-ħsara li tista’ ssir tkun kbira wkoll speċjalment fuq l-individwi peress li llum dawn il-kumpaniji għandhom ħafna informazzjoni fuq l-individwi permezz tal-apps li huma joffru b’xejn bil-kundizzjoni li jkunu jafu l-individwu x’ikun qed jagħmel.

Il-generative AI qajmet ħafna tħassib minħabba l-potenzjal li għandha – potenzjal li, fost oħrajn, jista’ jpoġġi d-drittijiet u s-sigurta’ tal-konsumatur fil-periklu. Fost affarijiet oħra, jekk tintuża ħażin, tipperikola sew il-privatezza, l-integrità tal-konsumaturi filwaqt li tkabbar il-potenzjal sew għall-iscams u informazzjoni falza. Fil-fatt internazzjonalment hemm diskussjoni fejn esperti li ħadmu u ħolqu din it-teknoloġija semmew il-potenzal perikoluż li għandha din it-teknoloġija jekk ma tkunx ikkontrollata. Hemm minnhom li semmew li jekk ma nikkontrollawx u nidderiġu din it-teknoloġija, hemm ċans li teqred lill-bniedem – forsi idea estrema, imma turi l-potenzjal negattiv jekk inħalluha tiżviluppa mis-settur privat mingħajr kontroll.

Din il-ġimgħa ġie ppubblikt ir-rapport “Ghost in the machine – Addressing the consumer harms of generative AI” li sar mill-Kunsill tal-Konsumaturi Norveġiż. Dan ir-rapport isemmi l-perikli, l-istruttura legali u kif nistgħu nimxu ‘l quddiem waqt li nnaqqsu l-perikli.

Bħalissa fl-Ewropa qed tiġi ppreparata direttiva dwar l-AI. Biss bħal kull direttiva oħra din tieħu snin sakemm tiġi implimentata. Peress li din it-teknoloġija qed tiġi żviluppata malajr, hu importanti li l-amministrazzjonijiet ta’ kull pajjiż jibdew jieħdu passi sabiex jassiguraw li din it-teknoloġija ma tintużax biex tipperikola d-drittijiet taċ-ċittadini. Il-passat wriena li l-kumpaniji li jiżviluppaw dan it-tip ta’ teknoloġiji ma tistax torbot fuqhom biex jassiguraw id-drittijiet tan-nies għaliex għalihom hu l-interess tagħhom li jgħodd. Tajjeb li nsemmu li diġa’ hemm servizzi tal-generative AI bħal ChatGPT, Midjourney, Stable Diffusion, u DALL-E li qed jintużaw minn kumpaniji Microsoft, Google u Snapchat fis-servizzi li joffru lill-konsumaturi.

Jekk iridu, l-awtoritajiet li s-settur tagħhom ikun qed juża dan is-settur għandhom il-potenzjal li, permezz ta’ regoli u kontrolli, jidderiġu din it-teknoloġija biex tkun ta’ ġid u mhux ta’ periklu għaċ-ċittadini billi jassiguraw sew id-drittijiet fundamentali u l-valuri tas-soċjetà.

Hu għalhekk li dan ir-rapport Norveġiż iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex isaħħu l-protezzjoni tal-konsumaturi billi jobbligaw li din it-teknoloġija ma tkunx ta’ periklu imma tkun ta’ min joqgħod fuqha u ġusta. Barra minhekk, trid tinħoloq strateġija li barra li tagħti kas l-iżviluppi riċenti tkun ibbażata fuq id-drittijiet fundamentali.

Jekk dan isir, dan ikun qed jgħin biex mhux biss inkomplu niżviluppaw din it-teknoloġija, imma li nserrħu moħħ in-nies li m’hemmx periklu meta tintuża din it-teknoloġija u għalhekk inkabbru l-potenzjal pożittiv biex intejbu l-ħajja tan-nies.

Ekonomija

Sport