Saturday, September 20, 2025

“Il-ġenerożità tal-poplu se toffri tama ġdida fil-ħarsien tas-saħħa mentali għal mijiet ta’ persuni b’diżabilità intellettwali” – Dr Lydia Abela

Aqra wkoll

Permezz tal-fondi miġbura waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ A Night at the Palace, Special Olympics Malta ser tniedi l-programm Strong Minds, bħala parti minn fażi ġdida ta’ kura u sostenn għall-atleti b’diżabilità intellettwali.

“Il-ġenerożità tal-poplu se toffri tama ġdida fil-ħarsien tas-saħħa mentali għal mijiet ta’ persuni b’diżabilità intellettwali,” saħqet Dr Lydia Abela, fejn enfasizzat li l-kura u l-prevenzjoni marbuta mas-saħħa mentali huma importanti daqs il-kura fiżika.

Dr Abela sostniet li, bħal kull individwu, persuni b’diżabilità intellettwali u l-atleti ta’ Special Olympics jgħaddu minn mumenti ta’ pressjoni u sfidi, inkluż meta jmorru jirrappreżentaw lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna. Għaldaqstant, Strong Minds se jservi bħala għodda essenzjali biex jgħin lill-atleti jħarsu lejn il-ħajja b’aktar ottimiżmu u kuraġġ.

Dr Lydia Abela rringrazzjat lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għall-ispettaklu mill-isbaħ, kif ukoll lill-poplu Malti u Għawdxi li attendew u taw id-donazzjonijiet tagħhom b’qalb kbira. Hija rringrazzjat ukoll lid-direttur kliniku Mariella Dimech, lil Anna Calleja u lil Christabel D’Amato, Direttur Sportiv ta’ Special Olympics, li b’dedikazzjoni u impenn qed jagħmlu dan il-programm realtà.

Anna Calleja, Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta sostniet, “Din hija ħolma li għal numru ta’ snin dejjem xtaqna nwettqu.” Hija enfasizzat li dan il-pass huwa wieħed storiku għall-organizzazzjoni mhux governattiva, speċjalment hekk kif din is-sena qed tikkommemora l-25 sena mit-twaqqif tagħha. Is-Sinjura Calleja, filwaqt li rringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi, qalet li l-għan tal-organizzazzjoni huwa li ssostni l-iżvilupp tal-persuni b’diżabilità intellettwali b’mod olistiku, bil-qofol ta’ dan kollu jkun l-isport.

Strong Minds huwa programm imfassal minn professjonisti speċjalizzati, li se joffri screening u prattiċi interattivi b’xejn biex jgħinu lill-atleti jadattaw aħjar ma’ sitwazzjonijiet diffiċli tal-ħajja bħal stress, ansjetà u sfidi personali jew familjari. Barra minn hekk, il-programm huwa mmirat ukoll biex jgħin lill-atleti jippreparaw ruħhom mentalment qabel il-kompetizzjonijiet, kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna.

Dan il-programm se jiġi integrat bħala wieħed mis-sitt servizzi ta’ screening fil-programm olistiku Healthy Athletes, li joffri appoġġ mediku u ta’ prevenzjoni lil mijiet ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità intellettwali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport