Sunday, December 22, 2024

IL-ĠENITURI GĦANDHOM JAPPOĠĠJAW LILL-EDUKATURI

Aqra wkoll

Il-każ li seħħ matul din il-ġimgħa li jirrigwarda fi skola primarja tal-Gvern fejn il-Kap tal-iskola ħassret attività ta’ Open Day minħabba l-attitudni ta’ waħda mill-ġenituri jew qariba ta’ waħda mit-tfal li rrifjutat li tirrispetta r-regola tal-iskola dwar ikel nutrittiv iġġagħlek taħseb mhux ftit. 

Fil-passat dan il-ġurnal tkellem diversi drabi dwar l-importanza li l-ġenituri jikkollaboraw mat-tmexxija tal-iskejjel u l-għalliema għall-ġid ta’ uliedhom. Fl-aħħar snin, l-istat, permezz tad-Direttorati tal-Edukazzjoni u l-Ministeru nieda diversi dokumenti u policies li għandhom jiġu implimentati fl-iskejjel għall-ġid ta’ uliedna.

Fost dawn wieħed jista jsemmi l-politika dwar l-ikel nutrittiv, dik dwar il-homework u l-piż tal-basktijiet. Huwa essenzjali li dawn il-policies jiġu mħaddma b’mod effettiv u implimentati fil-livell ta’ skola u mhux jitħallew dokumenti sbieħ biex iżejnu l-ixkaffa. Biex dan iseħħ hemm bżonn il-kollaborazzjoni bejn kulħadd, edukaturi, ġenituri u anki uffiċjali fid-Direttorati tal-Edukazzjoni. 

Hemm bżonn ukoll li l-edukaturi jingħataw kull appoġġ biex jimplimentaw dawn il-politiki u regolamenti fl-iskejjel u jiġu anki protetti meta jkun hemm bżonn biex iseħħ dan. Huwa essenzjali li anki l-unions u r-rappreżentanti tal-għalliema jkunu nvoluti f’dan il-proċess.

Il-ġentituri jridu jifhmu l-iskola mhux biss il-post fejn fih it-tfal jitgħallmu s-suġġetti ewlenin iżda anki l-post ta’ preparazzjoni biex uliedna jkunu ċittadini tajbin ta’ għada li jirrispettaw l-awtorità, li jirrispettaw l-ambjent ta’ madwarhom u jkomplu jistinkaw biex ikollna pajjiż aħjar milli sibnih.

Ekonomija

Sport