Thursday, December 26, 2024

Il-Ġermanja jsiru l-ewwel team li jikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja 2022

Aqra wkoll

Meta ntlagħab l-ewwel programm tat-tmien ġurnata tar-round ta’ kwalifikaz­zjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022, il-Ġermanja saru l-ewwel team li kkwalifika għall-fażi finali li se ssir fil-Qatar f’Novembru tas-sena d-dieħla.

Fi Grupp J, il-Ġermaniżi marru l-Maċedonja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0 bil-goals jaslu minn Kai Havertz (50), Timo Werner (70, 73) u Jamal Musiala (84).

L-Islanda laqgħu lil Leichtenstein u kisbu rebħa komda ta’ 4-0 bl-iskorers ikunu Stefan Thordarson (19), Albert Gudmundsson (35, 79) u Andri Gudjohnsen (89). Liechtenstein kellhom lil Martin Marxer (63) imkeċċi għal żewġ karti sofor.

Ir-Rumanija għelbu lill-Armenja bl-iskor minimu ta’ 1-0 bl-uniku goal tal-partita jasal minn Alexandru Mitrita (26).

Fi Grupp E, barra minn darhom Wales għelbu lil Estonja bl-iskor ta’ 1-0, bl-uniku goal jasal minn Kieffer Moore (12).

Anke r-Repubblika Ċeka kisbu rebħa barra minn darhom, iżda bl-iskor ta’ 2-0 bl-iskorers ikunu Patrik Schick (22) u Adam Hlozek (65).

Fi Grupp G, l-Olanda rreġistraw l-akbar rebħa meta ospitaw lill-Ġibiltá u għelbuhom bl-iskor ta’ 6-0. Il-goals ġew skorjati minn Virgil van Dijk (9) doppjetta ta’ Memphis Depay (21, 45), Denzel Dumfries (48), Arnaut Groeneveld (75) u Donyell Malen (86). 

In-Norveġja rebħu lil Montenegro bl-iskor ta’ 1-0 permezz ta’ doppjetta ta’ Mohamed Elyounoussi (29, 91).

It-Turkija dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Latvja bl-iskor ta’ 2-1 biex żammew it-tamiet tagħhom ħajjin għall-kwalifikazzjoni. Kien Vladislavs Gutkovskis (70) li fetaħ l-iskor għal Latvja iżda Serdar Dursun (76) u Burak Yilmaz (93) dawru r-riżultat favur it-Torok.

Fi Grupp H, li fih hemm Malta, ir-Rus­sja ħadu l-kmand tal-klassifika meta marru s-Slovenja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

B’dan ir-riżultat, issa għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti fuq il-Kroazja li temmew fi draw ta’ 2-2 kontra s-Slovakkja.

Ir-Russi fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals minn Igor Diveev (28) u Georgi Dzhikiya (32) filwaqt li Josip Ilicic (40) naqqas il-marġni tal-iskor għas-Sloveni.

Fir-rigward tal-partita ta’ Kroazja, huma ġrew wara r-riżultat meta għas-Slovakki skorjaw Ivan Schranz (20) u Lukas Haraslin (45) filwaqt li Andrej Kramaric (25) u Luka Modric (71) wieġbu għall-Kroati.

Ekonomija

Sport