Monday, May 13, 2024

“L-aktar budget b’miżuri soċjali fl-istorja” – il-PM Robert Abela

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-budget li għadu kif ġie ppreżentat huwa l-aktar budget b’miżuri soċjali fl-istorja. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata wkoll mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.

Qal li l-budget li ressqu llejla jirrifletti l-prijoritajiet ta’ dan l-gvern u tan-nies.  Huwa rrikonoxxa l-fatt li l-aħħar sentejn ma kinux faċli, iżda għax bħala gvern ħadmu flimkien, illum qal li jistgħu jitkellmu dwar Malta li rridu għal uliedna.

“Urejna filwaqt li nibqgħu l-aktar forza politika kredibbli biex immexxu l-ekonomija tal-pajjiż, nemmnu li l-progress m’għandux jiġi mkejjel bil-prodott gross domestiku biss imma ukoll fuq kemm imorru tajjeb dawk li l-aktar huma fil-bżonn.”

Żied jgħid: “Għalhekk dan huwa l-aktar budget b’miżuri soċjali fl-istorja u nifhem li se jkun hemm li jgħid li anke s-sena li għaddiet hekk għedna, imma għaliex aħna nibnu fuq it-tajjeb u għax nagħmlu hekk, din is-sena ħdimna biex nagħtu aktar.”

Semma kif f’pajjiżi oħra n-nies, wara tant xhur ta’ pandemija, jinsabu mgħobbijin bi prezz għoli ta’ dawl, b’żieda fit-taxxi, fost l-oħrajn. Qal li fl-aħħar ġimgħat dan il-gvern ra li jkomplu jaħdmu bil-galbu biex jipproteġu lin-nies.

Fl-indirizz tiegħu fost l-oħrajn tkellem dwar il-pensjonanti fejn għal darb’oħra dan il-gvern reġa’ tahom żiediet fil-pensjoni, aċċess għal aktar mediċini bla ħlas, u miżuri ferm importanti oħra.

Fost l-oħrajn dan il-gvern ħaseb ukoll fir-romol u tejbilhom il-pensjoni.

Dwar l-edukazzjoni, Abela qal li bħalma investew u se jinvestu f’infrastruttura fiżika, iridu jinvestu bil-kbir fit-taħriġ. F’dan il-budget tħabbar titjib fil-faċilitajiet edukattivi u fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u titjib fl-apprentistat. 

Semma kif barra minn pajjiżna qed naraw li qed jgħabbu l-istudenti u l-familji tagħhom bi djun biex tkun tista’ tistudja. Qal li dan hu preċiż l-approċċ biex toħloq l-inugwaljanza u l-inġustizzja u qal li għalhekk dan il-gvern ħa direzzjoni kompletament differenti. Qal li għamlu hekk għax jgħożżu l-importanza tal-edukazzjoni għall-avvanz tal-ħajja u għalhekk se jkunu qed jagħtu l-akbar żieda fl-istipendji fejn se jiżdiedu b’10%.

Semma ukoll li biex isostnu dawk li huma bi dħul baxx, reġgħu tejbu l-inwork benefit. Ta eżempju fejn koppja li jaħdmu t-tnejn u jaqilgħu l-paga minima. Abela qal li minn dan il-budget din il-koppja se jkollha dħul aktar ta’ kważi €450.

Qal li nafu li fl-aħħar leġislatura, immexxija mill-partit li jinsab fl-Oppożizzjoni pajjiżna kien ukoll affaċċjat minn riċessjoni. “Il-gvern ta’ dakinhar kien għażel direzzjoni opposta – politika ta’ awsterità. Ir-riżultat ta’ dik id-deċiżjoni kien qgħad li dam seba’ snin li dam ma jinżel. L-ammont ta’ nies fuq l-assistenza soċjali u nies f’qgħada ta’ ċaħda materjal severa kien spara ‘l fuq. L-investiment dam snin biex jirkupra. Iżda għax addottajna politka ekonomika progressiva, fit-tieni kwart ta’ din is-sena rreġistrajna l-għola ammont ta’ investiment fl-istorja ta’ pajjiżna,” qal Abela.

Il-Prim Ministru temm jgħid: “Illejla tajna sinjal qawwi li bil-fiduċja tan-nies, aħna nistgħu nibqgħu nkunu dak il-gvern li jkompli b’suċċess l-ġlieda kontra l-faqar, kontra l-esklużjoni soċjali u kontra l-qgħad, fost ħafna affarijiet oħra. Gvern li jkompli jibni Malta li rridu nħallu lil uliedna.”

“Bl-għaqal li mexxejna bih matul il-pandemija issa nistgħu niffukaw fuq miżuri oħrajn”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris fearne

“Dan huwa budget ta’ aħbarijiet tajba”

Fl-indirizz tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li dan huwa budget ta’ aħbarijiet tajba. Qal li wara sfidi ta’ pandemija, għax ħadu d-deċiżjonijiet f’waqthom u bħala poplu mxejna flimkien issa għandhom l-opportunità li jibdew jidduskutu u jipproponu affarijiet oħra minbarra l-pandemija . Qal li issa huwa ż-żmien li d-deċiżjonijiet li ħadna nibdew naqtgħu l-frott tagħhom. “Miżuri waħda wara l-oħra kollha ta’ benefiċċji għall-familji, għall-pensjonanti u għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin,” qal Fearne.

Sport