Wednesday, July 24, 2024

Il-Ġermanja se tnaqqas l-infiq ekoloġiku biex tilħaq ir-regoli tal-baġit

Aqra wkoll

Il-Kanċillier Ġrmaniż Olaf Scholz ħabbar li l-koalizzjoni tiegħu laħqet ftehim dwar il-baġit wara xahar ta’ taħdidiet dwar il-kriżi. Dan wara li l-qorti kostituzzjonali tal-Ġermanja ddeċidiet ix-xahar li għadda li l-baġit tas-sena d-dieħla kien illegali minħabba ksur tal-liġi dwar self ġdid.

Issa l-gvern se jżomm mal-impenji ta’ defiċit baxx billi jaqta’ xi sussidji relatati mal-ambjent. Fil-fatt, is-sussidji tal-enerġija solari u tal-karozzi elettriċi se jispiċċaw aktar kmieni milli ppjanat.

Il-koalizzjoni ta’ tliet partiti mmexxija minn Olaf Scholz sabet ruħha fi kriżi x-xahar li għadda meta l-ogħla qorti tal-pajjiż iddeċidiet li l-baġit għall-2024 kiser klawsola kostituzzjonali li tipprojbixxi lill-Ġrmanja milli jkollha defiċit ta’ aktar minn 0.35% tal-Prodott Gross Domestiku

It-toqba li rriżultat kienet biss proporzjon żgħir tan-nefqa totali, madwar €17-il biljun, jew madwar 3.8% tal-baġit totali ta’ €450 biljun. It-tliet partiti fil-koalizzjoni ma setgħux jaqblu bejniethom dwar jekk inaqqsux l-infiq jew jissospendux ir-regoli tad-dejn għall-ħames sena konsekuttiva.

Fl-aħħar, il-koalizzjoni qablet li tnaqqas is-sussidji għall-enerġija ekoloġika u l-kostruzzjoni, kif ukoll l-infiq tat-trasport. Meta ħabbar il-ftehim, il-kanċillier Scholz ċaħad li l-gvern tiegħu kien qed jaqa’ lura fuq l-impenji tiegħu għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Bħala parti mit-tnaqqis il-ġdid, is-sussidji għax-xiri tal-karozzi elettriċi u l-infrastruttura tal-enerġija solari se jitneħħew gradwalment aktar malajr milli kien ippjanat oriġinarjament. Il-mod kif il-ferroviji tal-Ġrmanja huma ffinanzjati wkoll se jinbidel.

Inqas infiq fuq il-grid tal-elettriku se jfisser li l-konsumaturi se jħallsu konijiet aktar għola għall-elettriku. Bil-miżuri li ttieħdu, madwar €3 biljun ta’ sussidji lill-industriji li jniġġsu se jitnaqqsu u se jiżdied il-prezz li jħallsu l-kumpaniji biex jarmu l-karbonju, biex ipatti parzjalment l-impatt tat-tnaqqis ambjentali.

Il-gvern Ġrmaniż, li huwa l-akbar sostenitur tal-Ukrajna fl-Ewropa, sostna li l-appoġġ għall-Ukrajna se jibqa’ mhux affettwat, tant li l-Ġermanja se tibgħat lill-Ukrajna madwar €8 biljun f’għajnuna s-sena d-dieħla.

Is-Soċjal Demokratiċi taċ-ċentru-xellug tal-Kanċillier Scholz qalu li t-tnaqqis għall-istat soċjali se jkun limitat. Min-naħa tagħhom, d-Demokratiċi Ħieles li huma favur in-negozju qed jitolbu kreditu għall-prevenzjoni ta’ self ġdid.

Il-partit tal-Ħodor jgħidu li l-gvern qed iżomm mal-miri ambjentali ewlenin tiegħu, anke jekk ċerti skemi ġew imneħħija. Il-kultura politika tal-Ġrmanja hija ferm opposta għad-dejn u d-defiċits.

Iżda xi ekonomisti jgħidu li l-stmerrija għal infiq għoli wasslet għal investiment baxx persistenti fl-infrastruttura ewlenija tal-p-ajjiż. Il-Ġermanja hija wieħed mill-pajjiżi bl-inqas djun pubbliċi fost il-pajjiżi żviluppati l-kbar.

Ekonomija

Sport