Wednesday, May 14, 2025

Il-ġinnastika huwa sport sabiħ ħafna … jagħtik ħafna sudisfazjon kemm jekk trid tipprattikah għall-gost u anke jekk trid tikkompeti – Philippa Busuttil

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-ġinnastika?

Kelli xi erba’ jew ħames snin meta għas-sajf kont mort ‘summer school’ ġo klabb tal-ġinnastika.  Kont ħadt pjaċir ħafna.  Dak iż-żmien kont diġá bdejt immur għal- lezzjonijiet tal-għawm. Fl-aħħar tas-sajf kont għidt lill-ġenituri li kont nippreferi mmur għal-lezzjonijiet tal-ġinnastika flok tal-għawm.  U hekk sar.  Imbagħad wara xi lezzjoni jew tnejn lemħitni l-kowċ Antonina Djurova u mil-ewwel poġġietni mal-iskwadra kompetittiva tal-klabb.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil karriera tiegħek sa issa bħala atleta, għalkemm għadek ta’ età żgħira?

Lokalment kont il-Junior National Champion għal tliet snin konsekuttivi u għal dawn l-aħħar sentejn is-Senior National Champion.

Fil-kamp internazzjonali ksibt diversi unuri ta’ sodisfazzjon għalija u li kitbu l-istorja tal-ġinnastika f’Malta.

Fl-2022 kelli l-ewwel esperjenza nirrapreżenta lil pajjiżi bħala Junior. Bħala Team Malta, immexxi mill-Kumitat Olimpiku malti (KOM), ipparteċipajna fil-COJI Island Games.  Hemmhekk, irbaħt Deheb fl-All Around u erba’ midlaji oħra.  Din kienet l-ewwel darba li Malta rebħet id-Deheb fl-All Around fil-Ġinnastika Artistika waqt il-COJI. L-2022 kienet sena tajba ħafna għalija. Kelli wirjiet tajbin kemm fil-Junior Europeans, kif ukoll fil-COMEGYM Mediterranean Games. Fil-Mediterranean Games kont viċin ħafna li nirbaħ żewġ midalji tal-bronż. – suċċess li rnexxieli nikseb is-sena ta’ wara. 

Infatti fl-2023, fil-COMEGYM irbaħt midalja tal-fidda fuq il-Beam.  Din hija l-ewwel u l-unika midalja għal Malta f’dan il-kampjonat fil-livell Junior.  L-2023 kienet sena diffiċli mmens għalija.  Bdejt is-sena għal xhur barra għax kelli problemi f’dahri u mbagħad kont iddeċidejt li nbiddel il-klabb.  Flimkien mal-kowċ Dario Santacroce ta’ Chun Gymnastics, irnexxielna niksbu dan is-suċċess importanti ħafna għal Malta.

L-2024 kienet l-ewwel sena Senior tiegħi li kienet waħda kwieta fir-rigward ta’ kompetizzjonijiet bejn minħabba impenji skolastiċi, kif ukoll minħabba li l-kowċ Dario kien qiegħed iħeġġiġni li nieħu l-isport f’livell ieħor.  Laqqagħni mal-kowċ Massimo Gallina, kowċ rinomat fl-Italja u bdejt nitla’ spiss l-Italja biex nittrenja ma’ ġinnasti professjonali.  Hekk kif spiċċajt l-O levels tlajt l-Italja biex nibda nittrenja l-ġinnastika f’livell professjonali.

Din is-sena qed nibda nara r-riżultati ta’ dan l-impenn tiegħi.  Fil-bidu tas-sena ngħaqadt b’self, bħala l-ġinnasta barranija, mat-tim ta’ Ginnica Giglio li kkompeta fis-Serie A2. Is-Serie A2 huwa t-tieni diviżjooni tal-kampjonat Taljan.  Huwa kampjonat ta’ livell għoli, fejn apparti ġinnasti li jagħmlu parti mis-selezzjoni nazzjonali tat-tim Taljan kien hemm anke l-ġinnasta Olimpika Tisha Volleman tikkompeti għal klabb ieħor. Irnexxieli nikseb riżultati tajbin speċjalment fuq il-beam fejn fit-tielet u l-aħħar rawnd anke ksibt it-tielet l-aqwa riżultat fuq il-beam fost 48 atleta ta’ livell għoli. 

Dan ix-xahar stess, il-Federazzjoni Taljana stednitni nipparteċipa fit-Trofeo Citta di Jesolo.  Din hija kompetizzjoni internazzjonali li fiha jiġu mistiedna l-aqwa timijiet nazzjonali tal-ġinnastika artistika fosthom l-Amerika, il-Brżzil, il-Kanada, ir-Rumanija, il-Ġermanja, Spanja u ovvjament l-Italja.  Kelli wirja sodisfaċenti tista’ tgħid fuq kull apparat iżda rnexxieli nikseb riżultat ieħor importanti fuq il-Beam. Irnexxieli nikkwalifika għall-finali ta’ din il-kompetizjoni.  Ikkwalifikaw miegħi għall-finali, iċ-Champion Olimpika tal-Beam, Alice D’Amato, ir-rebbieħa tal-midalja tal-bronż Olympika fuq il-Beam, Manila Esposito, rebbieħa Olimpika tal-midalja tal-bronż fuq il-Floor, Ana Maria Barbosu, l-Olimpika Alba Petisco u żewġ atleti mit-tim Amerikan u oħra mit-tim ta’ Spanja.  Kienet esperjenza inkredibbli, fejn forsi l-emozzjoni ħakmitni ftit u ma rnexxilix nagħmel l-aqwa esebizzjoni fil-finali.  Peró, xorta waħda jibqa’ riżultat importanti ħafna għalija!

Kif tqis il-livell tal-ġinnastika f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb illi f’etá żgħira, ikollna numru ta’ atleti ta’ livell għoli.  Infatti warajja hemm numru ta’ ġinnasti li jippromettu u kapaċi jibnu fuq dak li ksibt u qiegħda nikseb.  Peró, huwa diffiċli ħafna li aħna nkunu kapaċi nikkompetu ma’ ġinnasti ta’ pajjiżi importanti f’dan l-isport.  Dan għaliex, il-ġinnasti barra minn Malta, sa minn etá żgħira huma professjonali.  L-edukazzjoni takkomoda l-isport u mhux bil-maqlub.  Meta kont għadni skola kont nittrennja qisu 20 siegħa fil-ġimgħa. Illum nagħmel qisu 35 siegħa fil-ġimgħa. L-atleti li nittrenja magħhom ilhom jittrenjaw hekk għal żmien twil.  Huwa kważi impossibli li tirkupra dan iż-żmien mitluf! 

Ftit tas-snin ilu tlifna ġinnasti importanti li dejjem kont inħares lejhom b’ammirazzjoni.  Qed nirreferi għal Ella Borg u Tara Vella Clark.  Dawn ftit wara li laħqu seniors irtiraw meta hemm ġinnasti li ta ‘l fuq minn 20 sengha jikkompetu fl-Olimpjadi.  Ftit huma n-nies li jifhmu kemm huwa diffiċli li tkun tista’ tikkompeti f’ċertu livell.  L-impenn mill-atleta u mill-familja huma impossibli.  Jien b’xorti tajba għandi nies li jgħinuni ħafna fosthom il-ġenituri, Chun Gymnastics Club, US Renato Serra u Ginnastica Bergamo.

U dak tar riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Fil-gyms ta’ US Renato Serra u Ginnastica Bergamo, ma nistax ingorr.  Għandna apparat tajjeb ħafna.  Malta wkoll għand Chun Gymnastics l-apparat huwa ta’ livell għoli. Li wieħed irid jifhem huwa li f’kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali, l-apparat li jintuża huwa minn żewġ jew tliet manifatturi biss. L-apparat bejn manifattur u ieħor jagħmel differenza kbira għall-ġinnasta.  Huwa importanti li l-ġinnasti Maltin li jridu jikkompetu f’livell għoli, jittrenjaw fuq apparat mingħand dawn il-manifatturi u mhux manifatturi anqas rinomati.  Meta tkun qiegħed tikkompeti ma’ atleti aħjar minnek ma tistax toqgħod tikkompensa biex tidra l-apparat.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li l-mentalita fl-isport f’pajjiżna mxiet ‘il quddiem ħafna.  Hawn diversi atleti li qegħdin jagħmlu isem barra minn xtutna.  Ma nafx l-istejjer tagħhom individwali imma ċerta li l-impenn tagħhom huwa wieħed straordinarju.

Kif qed thares lejn il futur tieghek fil-ginnastika?

Fl-immedjat ħa nkun qiegħda niffoema parti minn Team Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żghar li s ejsiru lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar f’Andorra. Aktar tard din is-sena għandi nikkompeti fil-World Challenge Cup.

Peró, fil-futur, jien u t-tim tiegħi għamilna tragward diffiċli mmens għal dawn l-erba’ snin li ġejjin.  L-għan tiegħi huwa dak li nikkwalifika għall-Olimpjadi ġewwa Los Angeles fl-Istati Uniti fl-2028. Hemm ħafna xogħol li jrid jsir u ftit wisq ħin, imma s’issa qegħdin fit-triq it-tajba. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-ġinnastika.

Il-ġinnastika huwa sport sabiħ ħafna. Jagħtik ħafna sodisfazjon kemm jekk trid tipprattikah għall-gost, u anke jekk trid tikkompeti. Għal dawk li jridu jikkompetu ngħidilhom, illi fl-isport l-aktar affarijiet importanti huma l-impenn u l-perseveranza.  Jekk għandek dawn it-tnejn u tkun għal qalbek tipprattika dan l-isport, ħa tasal fejn trid fil-karriera tiegħek!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport