Ix-xahar ta’ Ottubru huwa sinonimu mal-kulur roża, simbolu tal-ġlieda kontra l-marda qerrieda tal-kanċer, b’mod partikulari l-kanċer tas-sider. Matul dan ix-xahar isiru diversi kampanji fuq il-midja soċjali, attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi filwaqt li numru ta’ binjiet jinxtegħlu roża. Għalkemm dawn l-attivitajiet iħallu impatt pożittiv, il-qofol għandu jibqa’ dak tal-għarfien, l-aċċess f’waqtu għall-ittestjar u finalment għall-kura meħtieġa.
Din is-sena, il-kampanja Pink October-Movember qed tiffoka fuq ħames tipi ta’ kanċer: tas-sider, ċervikali, tal-ovarji, tal-prostata u tat-testikoli. Il-kampanja ta’ din is-sena għandha wkoll enfasi fuq l-istadji differenti tal-ħajja u l-menopawsa.
Il-messaġġ ewlieni mhuwiex li wieħed jgħix fil-biża’, iżda li jagħraf il-bidliet f’bijoloġiċi persunali u ma jinjorahomx.
Fl-istess waqt li l-persuni jkunu mħeġġa sabiex jieħdu azzjoni dwar saħħithom. Ma nistgħux għalhekk ma nfaħħrux l-inizjattivi li qed jittellgħu f’dawn il-ġimgħat li jiffokaw ħafna fuq l-aspett li wieħed jieħu ħsieb saħħtu u anke jiċċekkja lil nnifsu.
Dan huwa rifless ukoll mill-esperjenzi ta’ nies li għaddew minn dan il-proċess li għalkemm kien wieħed diffiċli ħafna fiżikament u emozzjonalment għalihom, sabu l-kuraġġ li jersqu ’l quddiem u jagħmlu t-testijiet meħtieġa. Jiġina f’moħħna esperjenza ta’ mara li minkejja li dak kollu li kienet għaddejja minnu, uriet reżiljenza u determinazzjoni kbira li wassluha biex tiġġieled il-marda li kienet qed tiffaċċja. Illum din il-mara qed tappoġġja lil ħafna persuni li qegħdin jgħaddu mill-istess sitwazzjoni.
F’dan il-kuntest kollu, irridu nfakkru wkoll fl-avvanzi li għamel pajjiżna f’dik li hija kura tal-mard li wasslu biex illum għandna sistema li biha nistgħu naqbdu każi ta’ kanċer fil-bidu. Nafu li meta dawn il-każijiet jinqabdu kmieni, iċ-ċansijiet tal-fejqan ikunu ħafna akbar.
Għalhekk għandna nkomplu nħeġġu lil kulħadd sabiex nagħtu prijorità lil saħħitna. ma nistgħu qatt ninjoraw jew nibqgħu siekta quddiem il-bidliet li nosservaw f’ġisimna u għalhekk għandna nfittxu l-għajnuna meħtieġa minnufih. Ottubru għaldaqstant ifakkarna li l-għarfien, il-kuraġġ u s-solidarjeta jistgħu jkunu l-ewwel pass lejn it-tama u l-fejqan.

